Nipproponu l-kaċċa tas-summien fir-rebbiegħa biss – KSU

Il-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qed jipproponu li l-kaċċa għas-summien biss għandha ssir biss bejn il-5 u l-25 ta’ April b’osservaturi apposta biex ikun hemm iktar infurzar. Huma jemmnu li fiċ-ċirkostanzi preżenti m’għandux jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) pproponew li għandu jkun hemm moratorju temporanju fuq il-kaċċa tal-gamiem sakemm il-manutenzjoni f’livell sodisfaċenti tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-Unjoni Ewropea jiġi aċċettat xjentifikament. Il-KSU qalet li min-naħa tagħhom jaqblu ma’ din il-miżura.

Il-KSU appellat lil FKNK biex ikun hemm koperazzjoni bejn it-tliet għaqdiet tal-kaċċa u jippretendu li għandhom ikunu kkonsultati qabel ma jittieħdu xi deċiżjonijiet bil-moħbi li jistgħu jaffettwaw il-membri tagħhom. Huma qalu li l-proposti tal-FKNK ma wasslux la għandhom u lanqas għand xi għaqda oħra li lesta tikkopera, qabel ma’ dawn marru għand il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Il-KSU qalu li huma jaħdmu biex dan il-moratorju jitneħħa u japprezzaw kull sforz biex dan iseħħ. Huma rringrazzjaw lil Clint Camilleri u appellaw li għandu jitervjeni bħala rapreżentant governattiv responsabbli biex jassigura għarfien mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta mressqa bħla soluzzjoni. Huma qalu li lesti jbiddlu d-deċiżjoni tagħhom dwar il-kaċċa fuq il-gammiem fir-Rebbiegħa ladarba ma jkunx hemm riskji ta’ kawżi fil-Qrati Ewropej.