Filmat: “Nippromwovu politika mhux biss għan-nies, iżda man-nies”

F’messaġġ li wassal il-Papa Franġisku permezz ta’ filmat fuq YouTube, appella għal aktar inklużjoni ta’ nies speċjalment dawk vulnerabbli. Il-Papa stqarr li jixtieq politika bħala servizz li tagħti ċans lil nies jesprimu ruħhom aħjar, u b’hekk ikunu aktar organizzati. It-tip ta’ politika li l-Papa ppropona mhijiex “biss għan-nies, iżda magħhom, magħquda mal-komunitajiet u l-valuri tagħhom.”

Kompla billi qal li meta bniedem jiġi mwarrab, ma ssirilhomx ħsara biss fiżikament, iżda wkoll lid-dinjità tagħhom għax ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-istorja tal-komunità tagħhom permezz tal-valuri, il-kulturà, u permezz ta’ ħidmiethom.

Fil-messaġġ lill-parteċipanti tal-konferenza internazzjonali ‘A Politics Rooted in the people’, il-Papa indirizza lill-organizzazzjonijiet preżenti fejn qal li hemm bżonn ta’ aktar għajnuna lil nies li jinsabu f’difikultà biex jgħixu ħajja diċenti minħabba l-qgħad li jinsabu fih. Appella wkoll biex jingħata aktar attenzjoni meta dawn jaffaċjaw diffikultajiet.

Il-Papa Franġisku spjega li wieħed mill-għanijiet tal-laqgħa għandha tkun id-diskussjoni dwar kif ir-rispons għall-popoliżmu għandu jkun politika ta’ fraternanza mżewġa ma’ ħajjet in-nies, u mhux iktar individwaliżmu.

Ir-ragħaj it-tajjeb

Il-Papa esprima x-xewqa tiegħu li kull djoċesi fid-dinja jkollha kollaborazzjoni iktar qrib tan-nies billi uża l-eżempju tar-ragħaj. “Ir-ragħaj it-tajjeb”, qal il-Papa “jimxi fuq quddiem, fost in-nies, kif ukoll warajhom: fuq quddiem biex jiggwidahom, fosthom biex ikun eqreb tan-nies, u wara biex jgħin lil dawk f’diffikultà u biex iħallihom jagħżlu t-triq it-tajba.”

L-aħħar appell tal-Papa għall-konferenza kien li f’daż-żmien hemm bżonn li jinbena futur aħjar billi nibdew min-nies li jifformaw parti mill-komunitajiet.

KUN MINN TAL-EWWEL LI TIRĊIEVI L-AĦĦAR AĦBARIJIET
Niżżel l-App ta' Newsbook