“Nippromwovu l-baħar tagħna fuq pjattaforma virtwali” – il-Ministru Farrugia Portelli

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Diversi siti storiċi Maltin mifruxin fuq epoki differenti li jinsabu f’qiegħ il-baħar, u li s’issa kellhom aċċess għalihom biss l-għaddasa, issa se jkunu aċċessibbli b’xejn għal kulħadd b’mod virtwali. Dan permezz ta’ proġett li tnieda mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Il-proġett, b’investiment ta’ €100,000, se jkun finanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Forti Sant’Iermu, il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet qiegħ il-baħar Malti u Għawdxi fost l-aqwa attrazzjonijiet turistiċi mogħnija bi fdalijiet storiċi. “Minnu nnifsu dan l-istat ta’ fatt jitlob li għandna nkomplu nippromwovuh internazzjonalment. Huwa stmat li s-sena li għaddiet madwar 131,000 turist żaru pajjiżna speċifikament għax kienu attirati minn dan is-settur, filwaqt li 46,000 oħra għamlu xi tip ta’ attività marbuta mal-għadds waqt li kienu għall-btala tagħhom f’pajjiżna. Il-proġett jaħseb biex permezz ta’ website speċifika se nkunu qegħdin nuru virtwalment rikkezzi li għandna f’qiegħ il-baħar. Proġett li se jsaħħaħ il-kompetittività turistika tagħna. Dan għandu jservi biex ikattar l-interess mhux biss ta’ dawk li l-għadds huwa d-delizzju ewlieni tagħhom, imma wkoll ta’ oħrajn li se jkunu jistgħu jgawdu dan kollu mingħajr ma jgħoddsu. Fl-istess waqt, se nkunu qegħdin nippromwovu l-baħar tagħna fuq pjattaforma virtwali,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

F’dan il-proġett, qed tagħti sehem ukoll l-Università ta’ Malta fejn jirrigwarda riċerka. F’kelmtejn għall-okkażjoni, il-Professur Timmy Gambin, riċerkatur fl-Università ta’ Malta, saħaq dwar l-importanza tal-viżjoni tal-Ministru Farrugia Portelli li tappoġġja r-riċerka fil-qasam tal-wirt kulturali ta’ qiegħ il-baħar, li tagħti spinta lix-xogħol li jsir mill-Università ta’ Malta, u jispera li din il-kollaborazzjoni tkompli fix-xhur li ġejjin u tkompli tagħti l-frott li tikkontribwixxi għall-prodott turistiku Malti.

Dr Gavin Gulia, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qal li għal darb’oħra l-Awtorità kienet strumentali sabiex tara proġett ieħor ambizzjuż isir realtà. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li jħares ‘il quddiem sabiex l-Awtorità flimkien mal-Ministeru jkomplu joffru l-għajnuna tagħhom sabiex ikompli jitjieb il-prodott turistiku Malti u li jista’ jiġi rriklamat barra minn pajjiżna.

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Ic-chairman ta’ Heritage Malta Anthony Scicluna sostna li wara li saru snin ta’ riċerka arkeoloġika taħt il-baħar ’il barra mill-kosta tal-gżejjer Maltin, fejn ġew skoperti u ddokumentati fuq mapep numru ta’ depożiti ta’ valur kulturali, issa ser ikunu aċċessibbli wkoll għal firxa akbar ta’ nies fid-dinja virtwali. Id-Dipartiment tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar kien impenjat jagħmel scanning ta’ artefatti –  biex illum ninsabu hawn – aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Il-mużew virtwali jinkludi siti li jvarjaw mill-eqdem relitt ta’ xini tal-Feniċi fil-Mediterran, li jmur lura 2,700 sena, sa ajruplani tat-Tieni Gwerra Dinjija. Matul il-pandemija, Heritage Malta qamet għall-okkazjoni u ħadmet fuq proġetti li ssoltu jkun impossibbli li taħdem fuqhom, b’artefatti li ġew scanned b’tagħmir teknoloġiku avvanzat fl-aħħar żmien u li huma inklużi wkoll f’dan il-mużew virtwali.

Is-siti se jkunu aċċessibbli permezz tal-użu ta’ mudelli 3D u realtà virtwali. Fil-bidu, se jkun hemm aċċess għal 10 siti li jinsabu f’fond li jvarja minn żewġ metri għal 110 metri. Sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkunu żdiedu 10 siti oħra, u għadd ieħor mistenni jiżdied matul is-sena li ġejja.

L-10 siti mnedijin huma; submarine HMS Stubborn u ajruplan JU88, li jinsabu ‘l barra minn San Pawl il-Baħar; bastiment Ingliż HMS Maori u bastiment tal-provvista X-Lighter, li jinsabu fil-Port ta’ Marsamxett; fdalijiet ta’ xini tal-epoka tal-Feniċi li jinsab ‘l barra mix-Xlendi, Għawdex; l-ajruplani Beaufighter u Fairey Swordfish, ‘l barra minn San Ġiljan; l-ajruplan B-24 Liberator, li jinsab ‘l barra minn Marsaxlokk; kanuni tal-epoka Vittorjana u S-31 Schnellboot li jinsabu ‘l barra mill-Port il-Kbir.

Din l-esperjenza virtwali tista’ titgawda permezz tas-sit underwatermalta.org  fejn fost l-oħrajn wieħed jista’ jagħmel użu mill-Virtual Reality Headset biex ikollu esperjenza isbaħ ta’ dawn is-siti.

Ritratt: Omar Camilleri / DOI

Din l-informazzjoni twasslet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.