“Nippreferi mmut f’pajjiżi milli f’dan it-trattament” – Taljana li ilha Malta 3 snin

Miguela Xuereb

Taljana li ilha tgħix Malta għal tliet snin sostniet li tippreferi tmur lura fl-Italja fejn hemm riskju li tmut, milli tibqa’ f’Malta fejn il-ħin kollu qed tiġi trattata b’diskriminazzjoni kbira. Dan minħabba l-attitudni ta’ xi wħud li qed jassoċċjaw il-coronavirus ma’ persuni barranin.

Il-mara rrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt kif fl-aħħar jiem, kull meta marret tagħmel xi xirja jew kienet fil-pubbliku fejn instemgħet titkellem bit-Taljan, kien hemm min ħarab jiġri n-naħa l-oħra. Il-mara spjegat li hi ilha tgħix Malta għal snin twal u ilha ma tersaq lejn l-Italja minn żmien il-festi tal-Milied. Emozzjonata u b’leħen miksur, il-mara insistiet li tippreferi tmur lura fl-Italja, minkejja l-għadd kbir ta’ mwiet li hemm, b’riskju li tmut hemm, milli tibqa’ f’pajjiż fejn għexieren ta’ persuni qed jitrattawha ħażin, sempliċiment għax Taljana.

Hi insistiet li diġà tinsab b’rasha tqila bl-inkwiet għall-familja tagħha li tinsab fl-Italja u f’riskju kbir li tiġi infettata u tmut minn ħin għall-ieħor. Qalet li din it-tip ta’ diskriminazzjoni qed tkompli tiftaħ il-ferita tagħha.

Din mhux l-unika persuna li għamlet dawn it-tip ta’ kummenti, hekk kif jidher li bosta Maltin qed jibżgħu minn kull persuna barranija, mingħajr ma jkunu jaf l-istorja tal-persuna. Minkejja dan, hemm oħrajn li jagħmlu isem tajjeb għall-poplu Malti.

Persuna Maltija li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt talbet lill-pubbliku sabiex ma jdawwarx is-sitwazzjoni tal-coronavirus f’witch hunt għall-ħaddiema u studenti barranin. Sostniet li kien hemm persuni Maltin li wkoll injoraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-kwarantina. Insistiet li bħalissa mhux żmien li wieħed jipponta sebgħu iżda żmien li wieħed ikun uman.

“Kważi heddidni li jkeċċini għax tlabtu naħdem mid-dar”

Raġel ta’ nazzjonalità barranija, li tkellem ma’ Newsbook.com.mt irrakkonta kif meta talab lis-sid ta’ kumpanija lokali sabiex ikompli jaħdem mid-dar, is-sid tal-kumpanija qallu li qed jaġixxi bħat-tfal u implika li jekk dan ma jmurx għax-xogħol jispiċċa mkeċċi.

Is-sors qal li hu qed jibża’ joħroġ u li xogħlu huwa t-tip ta’ xogħol li jista’ jagħmel minn fuq laptop mid-dar. Spjega li minħabba li m’għandux liċenzja tas-sewqan irid jagħmel użu mit-trasport pubbliku jew minn taxis, u sostna li wieħed ma jistax ikun jaf min rikeb qablu u f’liema kundizzjonijiet kien. Barra minn hekk, sostna li l-kollegi tiegħu wkoll jagħmlu użu mit-trasport pubbliku u oħrajn saħansitra jivjaġġaw fit-tul għax iridu jiġu minn Għawdex.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ unjins lokali sabiex jikkonferma kemm hu legali li wieħed jhedded persuna bi tkeċċija mix-xogħol għax titlob biex taħdem mid-dar. Il-Kap Eżekuttiv tal-General Workers Union (GWU), Victor Carachi, qal ma’ Newsbook.com.mt li persuna ma tistax taqbad u tiddeċiedi hi li taħdem mid-dar. Sostna li jimmaġina li bħalissa, il-postijiet tax-xogħol kollha qed jieħdu azzjonijiet preventivi. Sostna li ladarba l-Gvern ma ordnax lil min iħaddem sabiex il-ħaddiema tagħhom jibqgħu d-dar, l-ebda persuna m’għandha dritt li taħdem mid-dar jekk min iħaddem ma jridx dan.

Nhar l-Erbgħa, l-uffiċjali ta’ Identity Malta, fil-binja li tinsab fi Triq il-Wied, ħarġu ‘l barra sabiex ma jaqdux lill-barranin li jmorru hemm sabiex iġibu l-permessi ta’ residenza u għax-xogħol. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi qrib Identity Malta li spjegaw li dan qed isir għax huma qed jibżgħu mit-tixrid tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn