Ninvestigaw X’Qed Nieklu jkompli llum bi programm speċjali

Jackie Mercieca. Ritratt: Clint Gerald Attard

Bi produzzjoni u ppreżentazzjoni ta’ Jackie Mercieca, Ninvestigaw X’qed Nieklu jerġa’ lura fuq TVM mil-lum il-Ħadd 4 ta’ Ottubru fis-6: 45pm.

Flimkien ma’ xjenzati, tobba, awtoritajiet tal-Gvern, nutrizzjonisti u produtturi tal-ikel Jackie Mercieca tiddiskuti dak li qed nieklu, dak li għandna nieklu u dak li m’għandniex. Kull ġimgħa niskopru l-istorja, ix-xjenza, il-valur nutrittiv ta’ varjetà ta’ ikel u l-impatt tiegħu fuq saħħitna.

L-ikel huwa eċċitanti u jġib lin-nies flimkien u jżommna b’saħħitna. Imma jista’ jagħmel ħsara lil ġisimna, moħħna u l-benesseri tagħna. L-ikel li nieklu jista’ jkun jew l-iktar forma ta’ mediċina sigura u qawwija jew l-iktar forma ta’ velenu li jidħol fina bil-mod.

L-ewwel programm tal-istaġun il-ġdid huwa wieħed speċjali, kemxejn differenti. Huwa programm dedikat lil Karl Pace li ħafna drabi kien fuq il-programm jaqsam l-għerf u l-għarfien vast tiegħu dwar l-ikel.

Għal Karl ikel tajjeb għas-saħħa kien filosofija, mod ta’ ħajja u  passjoni. Mhux dejjem kien konxju tas-saħħa. Wara snin jiġġieled kontra l-vizzju tad-droga huwa ħaddan ħajja sempliċi u purista ġdida  permezz ta’ sport, ikel tajjeb għas-saħħa u spiritwalità.

F’Awwissu tilef ħajtu wara li d-dgħajsa tiegħu ħadet in-nar f’Għawdex meta kellu 34 sena. L-istorja ta’ ħajtu u l-għarfien tiegħu dwar l-ikel tintwera fuq Ninvestigaw X’Qed Nieklu.