Aġġornata: “Ninsew il-kulur politiku, naraw x’hemm bżonn” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li d-diskussjoni li se ssir għada fil-Parlament dwar it-talbiet tas-soċjetà ċivili hija rebħa għal kulħadd, u talab biex il-poplu jieqaf iħares lejn għajru skont il-kulur politiku, għax b’hekk jidher aktar ċar x’jeħtieġ il-pajjiż.
Għada l-Oppożizzjoni se tkun ukoll qed tressaq sensiela ta’ proposti għal liġijiet li jsaħħu s-saltna tad-dritt fil-pajjiż.
Dr Delia kien qed jiġi intervistat minn ġurnalista fuq Radio 101, meta tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni
Il-PN kien ressaq mozzjoni l-ġimgħa l-oħra, meta invoka artiklu mil-Liġi Maltija li jitlob li dak kollu li jkun għaddej fil-Parlament jieqaf sabiex tingħata l-attenzjoni sħiħa fuq tema partikulari.
Fost l-oħrajn, il-PN ried li jiġu diskussi t-talbiet tan-netwerk tas-Soċjetà Ċivili, li jinkludu t-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, u li dawn il-karigi jibdew jiġu appuntati b’żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Il-Gvern laqa’ t-talba, għalkemm mhux mill-ewwel, u l-Kap Nazzjonalista qal li din id-deċiżjoni għandu jifraħ kulħadd biha.
Saħaq li s-sitwazzjoni preżenti mhix xi ħaġa tal-PL, tal-PN jew tal-PD, iżda ta’ kulħadd.
“L-importanza li s-soċjetà ċivili tipprotesta, u mhux aħna”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni aċċenna għall-ħtieġa li ma jkunux il-partiti politiċi biss li jipprotestaw, u enfasizza l-irwol tas-soċjetà ċivili f’dan kollu.
“Huwa importanti li n-nies titkellem, biex tesprimi r-rabja li żviluppat wara x-xokk inizjali bil-qtil ta’ Caruana Galizia”, kompla Dr Delia.
Fakkar li l-ġurnalist għandu jkun il-leħen li jistaqsi.
“L-Avukat Ġenerali: Irid jiddefendi liż-żewġ naħat fl-istess waqt”
Dr Delia beda billi qal li l-Gvern mhux jirrealizza li l-Oppożizzjoni m’għandhiex għall-Avukat Ġenerali bħala persuna, iżda għandha kontra l-funzjoni tiegħu.
Saħaq li ma tagħmilx sens l-akkuża tal-Gvern li l-AĠ intgħażel minn Gvern Nazzjonalista preċedenti, u issa dan irid ineħħih.
Żied jgħid imbagħad li filwaqt li l-AĠ huwa l-avukat tal-gvern hu wkoll iċ-Ċermen tal-FIAU, l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil ta’ Flus, li qed tinvestiga lill-Gvern. Qabbel dan ma’ każ fejn għandek avukat li jrid jiddefendi liż-żewġ naħat fl-istess ħin.
“Biex tkun kredibbli, ikkontrolla lil ta’ madwarek” – PL
Sadanittant, b’reazzjoni għal dak li qal Adrian Delia, il-Partit Laburista (PL) rrimarka li biex ikun kredibbli, Delia jrid jikkontrolla lil ta’ madwaru milli jmorru jgħidu kontra Malta.
Il-PL qal li meta Delia beda jitkellem dwar soqfa qed jaqgħu u sisien mhedda kien qisu qed jiddeskrivi lill-partit tiegħu, li fi kliem il-PL, mimli nies jaħdmu mhux biss kontra Malta, imma anki kontra l-kap tagħhom stess.