“Ninsabu f’sitwazzjoni ddisprata” – għalliem tal-Ingliż; Skiet mill-Ministeru

Għalliem tal-Ingliż sostna ma’ Newsbook.com.mt li bħalissa hu u l-kollegi tiegħu jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata. Spjega kif ma hemmx biżżejjed għalliema u l-piż tax-xogħol dejjem qed jintefa’ fuq dawk l-għalliema tal-Ingliż kurrenti. Insista li dawn saħansitra qed jispiċċaw isofru minn burn out u anke minn konsegwenzi mediċi. Sadanittant, il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt lill-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar is-suġġett partikolari baqgħu mhux mitwieġba.

Aqra: Filmat: “Tlifna bosta għalliema ġodda tort tal-Ministeru” – MUT

L-għalliem tkellem wara li fl-aħħar ġimgħat, ommijiet tkellmu ma’ Newsbook.com.mt fejn esprimew is-sitwazzjoni li spiċċaw fiha wliedhom fejn hemm klassijiet li ilhom kważi sena skolastika sħiħa mingħajr għalliema tal-Ingliż. Dawn l-istudenti saħansitra qed jintalbu jagħmlu l-eżamijiet anke jekk huma żvantaġġjati meta kkumparati ma’ studenti oħrajn tal-istess sena li rċevew it-taħriġ kollu neċessaru fis-suġġett.

“Wisq tibdiliet fi ftit żmien”

L-għalliem li tkellem ma’ Newsbook.com.mt sostna li saru ħafna tibdiliet fi żmien qasir u l-għalliema mhux jirnexxielhom ilaħħqu ma’ dan. Sostna li fejn qabel l-għalliema setgħu jirriċiklaw il-materjal minn sena għall-oħra, issa s-sillabu tant qed jinbidel, li kull sena qed ikollhom jerġgħu jikkreaw il-materjal tagħhom mill-ġdid. Semma li mhux talli nbidlu s-sillabus, il-metodu tal-assessjar u l-kotba, iżda issa ġie kkreat sillabu ġdid għal suġġett ieħor li jiżvolġi fuq il-lingwa Ingliża applikata.

Aqra: Aktar studenti mingħajr għalliema tal-Ingliż; l-għalliema jitkellmu

“L-għalliema tal-Ingliż għandhom wisq lezzjonijiet”

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt l-għalliem li talab l-anonimita tiegħu sostna li l-għalliema tal-Ingliż ikollhom sitt lezzjonijiet fil-ġimgħa ma’ kull klassi li jgħallmu. Dan ifisser, li jekk ikun hemm klassi problematika, wieħed ikollu jħabbat wiċċu magħha sitt darbiet fil-ġimgħa.

Kompla jgħid li apparti minn hekk, l-għalliema tal-Ingliż huma mitluba jagħtu kompożizzjoni kull ġimgħatejn lill-klassijiet tagħhom. Spjega li dan ifisser li ta’ kull xahar, l-għalliema jkollhom mall-200 kompożizzjoni x’jikkoreġu. Dan l-ammont ma jinkludux dawk relatati mal-letteratura.

Aqra: “Studenti mingħajr għalliema tal-Ingliż” – omm; Il-Ministeru sieket

L-għalliem temm jgħid li dawn huma kollha raġunijiet importanti għaliex l-għalliema tal-Ingliż qed jispiċċaw jitilqu minn xogħolhom u hu daqshekk diffiċli li tinstab persuna li tieħu posthom mat-tmiem tal-impjieg tagħhom.

Xahar ta’ silenzju mill-Ministeru għall-Edukazzjoni

Dwar il-każ Newsbook.com.mt għamel numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni fit-8 ta’ Marzu. Tfakkira għal risposta ntbagħtet fit-12 ta’ Marzu, madanakollu din baqgħet ma waslitx. Fl-1 t’April Newsbook.com.mt tkellem mal-kelliema għall-Ministeru dwar il-mistoqsijiet, liema kelliema kkonfermat li risposta kienet se tintbagħat mill-aktar fiss, madanakollu sal-lum, 10 t’April baqgħet qatt ma waslet risposta.