“Ninsab tajba ħafna; kuntenta kif żejnuli l-kamra” – Rita ta’ 100 sena

Rita, mara li għadha kif għalqet mitt sena, irċeviet bukkett fjuri u żjara ċkejkna mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Caruana rrakkontat kif meta staqsietha kif inhi, Rita pronta pronta weġibtha “tajba ħafna”. Qaltilha wkoll kemm hi ferħanabil-mod kif żejnulha l-kamra.
Dr Caruana stqarret ukoll li bl-umiltà kollha, Rita qaltilha li l-fjuri li tatha jixraqli jitpoġġew quddiem il-Madonna, li għaliha hija devota ħafna. Tkellmu wkoll dwar San Ġwann u x-Xewkija, minħabba li t-tnejn li huma mill-istess lokalità.
Rita hija ħabiba tal-familja tal-Ministru, u bħalissa qed tgħix fir-Residenza Sant’Anna, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dakinhar qassmet ukoll ir-rigali ta’ għeluq is-snin tal-Welfare, inizjattiva li kienet bdiet hi flimkien mal-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia. 
Il-Ministru rrimarkat li waħda mill-affarijiet li tħobb tagħmel, u li tagħmel ta’ spiss hija li żżur l-anzjani.
Ritratti: MGOZ – Terry Camilleri