“Ninsab konvinta li se tagħmilna kburin”

Aktar messaġġi ta’ awguri lil Destiny Chukunyere, rebbieħa tat-tieni edizzjoni ta’ X Factor Malta. Fost dawk li issa qed jawgurawlha hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

F’messaġġ fuq il-paġna tagħha fuq Facebook, Coleiro Preca kitbet li xtaqet tifraħ lil Destiny talli rebħet din il-kompetizzjoni.

“Għażiża Destiny, bħal dejjem, nawguralkek l-aqwa, hekk kif tkompli ssegwi l-ħolm tiegħek u tkompli ssaħħaħ il-karriera mużikali tiegħek li permezz tagħha definittivament  se tagħmel lil Malta kburija bik,” kitbet hi waqt li saħqet li tinsab konvinta li Destiny se tagħmilna kburin f’Mejju li ġej f’Rotterdam.

“Jien tassew kburija bik,” temmet tiktbilha il-President Emeritu Coleiro Preca.

Ritratt: Facebook/Marie-LouiseColeiroPreca

Ilbieraħ wara nofsinhar Destiny kienet milqugħa f’Kastilja kemm mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Ministru Carmelo Abela.

Destiny se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest li se jsir fit-12 ta’ Mejju fl-Ahoy Arena f’Rotterdam fin-Netherlands.

Dakinhar 10 pajjiżi jikkwalifikaw għas-serata finali tas-Sibt 16 ta’ Mejju.