‘Ninsab iddisprat! Neħtieġu l-għajnuna għall-waiting list’ – Bjorn

‘Ninsab iddisprat! Neħtieġu l-għajnuna għall-waiting list ta’ DAR Bjorn’. Dan kien l-appell ta’ Bjorn Formosa l-Ġimgħa wara nofsinhar f’post fuq Facebook.  Bjorn qal li DAR Bjorn kienet ta’ success ikbar milli kien oriġinarjament maħsub u li riżultat ta’ dan żdiedet id-domanda minn pazjenti morda bl-ALS.


Bjorn qal li sfortunatament din id-Dar speċjalizzata għal pazjenti morda bl-ALS l-iktar li jkollha huwa sodda waħda f’sena għal pazjenti ġodda, sakemm tinfetaħ it-tieni DAR Bjorn, illi mistennija tkun ikbar mill-ewwel waħda.  Huwa qal li dan qed iżid il-pressjoni fuq l-entitajiet u l-individwi li għandhom bżonn li l-kura urġenti li toffri DAR Bjorn.

Minħabba f’hekk huwa qal li nieda lista ta’ stennija għal pazjenti li tagħti prijorità lil pazjent morda bl-ALS u l-MS skont l-età u l-kundizzjoni li jinsab fiha. Huwa mbagħad jibgħat id-dettalji tal-ewwel tliet individwi fil-lista lill-entità tal-Gvern l-Aġenzija Sapport. Din tal-aħħar imbagħad tkompli tevalwa lil dawn it-tleit individwi biex tagħżel l-iktar wieħed li jkollu bżonn is-sodda li tkun disponnibli f’DAR Bjorn.

Bjorn qal li dan il-proċess mhux wieħed faċli u swieħ ħafna tensjoni u wġiegħ ta’ ras sakemm jaċċerta ruħu li jkun intagħżel il-pazjent li l-iktar ikollu bżonn dik is-sodda.


Sostna li għalhekk qed jistieden lill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u Silvio Parnis biex jiltaqgħu miegħu madwar mejda biex jiddiskutu sistemà ġusta u denja għal mod ta’ kif pazjenti jiġu aċċettati fid-djar Maltin għal kura.

Bjorn qal li għalissa se jkun qed jippubblika rapport tal-lista ta’ stennija kull xahar dwar l-ewwel 20 pazjent li hemm fuqha u li l-iktar jeħtieġu l-kura f’DAR Bjorn imma sfortunatament m’hemmx spazju għalihom għalissa. Din il-lista fiha iktar minn 60 kandidat li jeħtieġu l-għajnuna u kura urġenti.

Huwa temm l-istqarrija billi stieden lill-pubbliku jgħin fl-attività ta’ ġbir ta’ fondi għal DAR Bjorn li se ssir nhar is-27 ta’ Settembru għat-tieni u ikbar DAR Bjorn.

I AM DESPERATE! DAR Bjorn Waiting ListDAR Bjorn proved to be a Bigger than expected success which created a huge…

Posted by Bjorn Formosa on Friday, July 24, 2020