“Ninsab grata li wasalt sa dan l-istadju” – Celine

Waħda mill-parteċipanti ta’ X Factor Malta li għamlet ħoss din is-sena bla dubju li keinet Celine Agius, it-tfajla Maltija li wara li għal 6 snin inqatgħet mix-xena mużikali għamlet ir-ritorn tagħha permezz ta’ dan il-programm. Sa mill-ewwel darba meta daħlet fir-room audition u nterpretat is-silta Rise Like A Phoenix, Celine bdiet timpressjona u żżid fil-popolarità.

newsbook.com.mt tkellem ma’ Celine li ddeskriviet il-kompetizzjoni ta’ X Factor bħala pjattaforma enormi u li permezz tagħha kellha l-opportunità tesponi dak li taf ma eluf kbar ta’ nies. Irrimarkat ukoll li grazzi għal dan il-programm rabbiet il-kunfidenza u esperjenza mill-isbaħ li permezz tagħha saret taf ħafna nies.

“Jien ma dħaltx biex jasal sal-live shows. Dħalt biex nagħmel comeback u nagħmel statement. Li wasalt sal-live shows kien kollu bonus u vera ninsab grata li wasalt sa dan l-istadju,” qaltilna.

It-tfajla qalet ukoll li ma kienitx sorpriża li nqalgħat mill-kompetizzjoni l-Ħadd li għadda.

“Iva, kont qed nistenna li ninqala’ għax kont xorta waħda id-dark horse fil-kompetizzjoni. Ammont kbir ta’ nies xtaqu wkoll sempliċiment jeliminaw l-overs għall-gost. Trid tikkunsidra l-fatt li jien ma mmbuttajtx aġenda ta’ promozzjoni, la qassamt posters u t-shirts, la għandi instagram, la qassamt cards biex in-nies jivvutawli. Il-fanbase tiegħi għadha wkoll qed tinbena. Ukoll, id-diska ma kinetx upbeat u b’saħħitha biżżejjed u kienet anticlimax meta tqabbilha mal-Ħadd ta’ qabel,” ikkummentat it-tfajla.

Issa ovvjament ħafna huma dawk li jxitiequ jkunu jafu x’se jkun il-futur.

“Il-pass li jmiss huwa li naħdem ma’ sieħbi, il-kitarrist/mużiċist Glenn Sacco u naqsam il-mużika miegħu u noħorġu materjal tagħna. Hija ħaġa mill-isbaħ li ssib xi ħadd ma’ min taqsam din l-esperjenza mużikali,” żvelat magħna Celine.

Celine Agius u Glenn Sacco. Ritratt: Facebook/GlennSacco

Finalment staqsejna lil Celine dwar min taħseb li se jirbaħ it-tieni edizzjoni ta’ X Factor malta.

“Naħseb mhux ġust li ngħid min naħseb li se jirbaħ l-X Factor. Naħseb dik l-għazla hija f’idejn il-pubbliku. Ngħid għalija il-kontestanti kollha għandhom post f’qalbi u nħobbhom. Nemmen li kollha artisti b’ħiliet u stili differenti. Jirbaħ min jirbaħ, jalla li l-kontestanti kollha jkompli jaħdmu fuq mużika tagħhom anke wara li jintemm X Factor u ma jaqtgħux qalbhom. Ikomplu jagħmlu l-mużika b’mod nadif u jkomplu jispiraw ħafna nies hemm barra. Ir-rebbieħ ta’ X factor hu dak li joħroġ minn din il-kompetizzjoni b’viżjoni u bħala artist mibdul. Nawgura minn qalbi il-kontestanti finalisti kollha,” temmet tgħidilna Celine.

Awguri Celine. Bla dubju li ħafna huma ħerqana jistennew dak li se toffri ‘l pubbliku fiż-żmien li ġej.