“Ninsab ferm sodisfatt kif qed imexxi Joseph Muscat” – Ian Castaldi Paris

Huwa importanti li l-Partit li timmilita fih ikollu valuri sodi u mhux tispiċċa ttimbrat in-nagħġa s-sewda meta titkellem.
Hekk sostna l-eks Sindku ta’ Ħal Lija, Ian Castaldi Paris waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK.
Qal li fil-preżent, il-pajjiż qed jitmexxa b’mod differenti minn kif kienet tingħata l-impressjoni qabel l-elezzjoni ġenerali.
Sostna li jinsab ferm sodisfatt bil-mod kif Joseph Muscat qed imexxi l-Gvern Laburista.
Qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu relattivament ġdid imma għandu l-fiduċja li jibqa’ jħoss il-polz tal-poplu.
Castaldi Paris qal li taħt il-Gvern Nazzjonalista, kien hemm ħafna persuni li l-poplu kien imdejjaq bihom u tħallew hemm imma taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, dawn it-tip ta’ persuni qed jitneħħew.
Dwar l-esperjenza tiegħu fil-Partit Nazzjonalista, Ian Castaldi Paris qal li kien Tonio Borg li tah il-parir biex l-ewwel jikkontesta għall-elezzjoni lokali qabel jibda l-esperjenza tal-elezzjoni ġenerali.
Qal li fil-ħidma tal-Kunsill, kien isib aktar appoġġ mill-Kunsilliera tal-Partit Laburista milli mill-Kunsilliera tal-istess Partit Nazzjonalista.
Qal li filwaqt li x-xogħol li kien jagħmel f’Ħal Lija kien biex jagħmel il-ġid mar-residenti, kienu mill-Uffiċċju Elettorali tal-PN li qalulu biex ma jerġax jikkontesta.
Hawnhekk enfasizza li ltaqa’ ma’ Ministru u ma’ uffiċjal tal-Partit li qalulu li fil-PN ma kienx hemm iżjed post għalih.
Sostna li d-deċiżjoni ma jikkontestax għall-kariga ta’ President tal-partit kienet ġejja minn fuq.
Qal li fil-Partit Nazzjonalista trid tkun “Yes Sir!” u li hu mhux hekk, filwaqt li kien hemm xi ħaġa li meta ma taqbilx f’kollox mal-Kap dejjem ikun il-klikka li taqbeż hi u tkeċċik.
Castaldi Paris qal li llum hawn Prim Ministru li jekk jemmen fil-kapaċitajiet tiegħek ikollok iċ-ċans.
Sostna li mhux veru li ġie mwiegħed xi ħaġa jew kariga mill-Gvern Laburista.
Qal li Simon Busuttil diġà bagħat għalih imma hu rrifjuta għaliex id-deċiżjoni kien ilu li ħadha.
Filwaqt li stqarr li ma jippispjaċihx li telaq mill-PN, jixtieq li jkollu ċ-ċans li jerġa’ jagħti kontribut fil-politika biex ikun il-vuċi ta’ dawk li ma jistgħux isemmu leħinhom.