“Ninsab eċċitata biex naqsam magħkom li…” – Nakita

L-attriċi Nakita Grima li tinterpreta lil Samantha fis-sensiela Sorelle li se tirritorna fuq TVM mit-Tnejn 28 ta’ Settembru fl-3.45pm ħabbret uffiċjalment li se tkun qed tipparteċipa fl-edizzjoni li jmiss tal-konkors Miss Malta.

“Ninsab eċċitata biex naqsam magħkom li se nkun qed nieħu sehem fl-edizzjoni li jmiss tal-konkors ta’ Miss Malta,” ikkummentat hi. Nakita se tirrappreżenta l-lokalità ta’ Tarxien.

“Kollox beda f’Jannar li għadda meta d-diretturi ta’ Miss Malta avviċinawni biex jistaqsu jekk inkunx interessata biex nipparteċipa f’Miss Malta 2021. Qatt ma stennejt li se nkun offruta opportunità bħal din iżda fil-ħajja qatt m’għandek tgħid qatt,” ikkummentat hi.

L-attriċi ta’ 28 sena irringrazzjat lill-organizzatturi Kersten Borg u Jeanette Bezzina talli emmnu fiha u tawha din l-opportunità. Hija rringrazzjat ukoll lill-familja u l-ħbieb tagħha tal-appoġġ li qed ituha.

B’kollox se jkun hemm 60 kontestanta fis-serata finali li se ssir is-sena d-dieħla.

Bħala attriċi Nakita bdiet bħala attriċi b’parti żgħira fis-sensiela D.R.E.A.M.S. Wara bdiet taħdem f’partijiet aktar impenjattivi bħal Żafira, Katrina, Manwela (li bħalissa qed tixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq Melita More), Ċirkostanzi u issa f’Sorelle bil-karattru ta’ Samantha.

Awguri lil Nakita u l-parteċipanti kollha li se jkunu qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni.