“Ninqalgħu mill-pożizzjonijiet reliġjużi li mwaħħla fihom” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li s-sejħa li Ġesù jagħmel għall-konverżjoni hija sejħa biex in-Nisrani jinqala’ minn pożizzjonijiet reliġjużi li hu mwaħħal fihom.
Huwa spjega li l-Evanġelju jistieden lin-Nisrani biex ineħħi l-kappestru reliġjuż li jżommu milli jiskopri "l-ġdid" fil-persuna ta’ Ġesù u fil-messaġġ tiegħu.
Monsinjur Grech kien qed jiċċelebra l-festa ta’ San Anton Abbati fix-Xagħra meta spjega li ħafna drabi, għax wieħed mingħalih jaf l-Evanġelju, jippretendi li jantiċipa l-omelija tas-saċerdot u jekk ma jippritkax skont l-iskemi mentali tiegħu jispiċċa jagħlaq widnejh għall-kelma.
“Għalhekk, is-sejħa għall-konverżjoni hija sejħa biex il-bniedem, partikularment dak li diġà jaħseb li jaf lil Alla u lil Ġesù, ikollu sintesi u prospettiva mġedda dwar min hu Alla, min hu Ġesù Kristu u x’inhu l-Vanġelu,” saħaq Monsinjur Grech.
Spjega kif San Anton Abbati, ta’ għoxrin sena, laqa’ din is-sejħa ta’ Ġesù u aċċetta l-kelmiet: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju.”
Saħaq kif minkejja li San Anton ma kienx żagħżugħ ħażin, għażel li jneħħi l-kappestru reliġjuż u skopra dimensjoni ġdida ta’ Kristu. Bis-saħħa ta’ dan, San Anton ħeles minn ġidu u għadda ħajtu jirrifletti fuq il-Kelma ta’ Alla u jitlob, jgħin u jagħmel il-qalb lil dawk li jkunu dixxipli ta’ Ġesù.
Kien hawn li talab bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis biex il-komunità ekkleżjali, taħt il-gwida tal-Papa Franġisku, is-suċċessur ta’ Pietru, ma tagħmilx reżistenza lill-Ispirtu li fi kliemu jrid jgħinna nagħmlu din il-konverżjoni teoloġika u pastorali.
Fir-riflessjoni tiegħu dwar l-Evanġelju ta’ San Mark, Monsinjur Grech jinnota kif Ġesù, meta għażel lill-kollaboraturi tiegħu, ma marx ifittex fit-Tempju iżda fittex lin-nies tax-xatt.
“Aħna nafu kemm huwa diffiċli titkellem dwar Alla ma’ dawk li jaħsbu li jafu kollox dwar Alla – ma’ dawk li bħal ħafna Nsara tagħna huma kuntenti li twieldu mgeżwrin fil-karta tal-Vanġelu, imma mbagħad ma jħossux il-ħtieġa li jinfetħu għall-Ispirtu tal-ħajja,” saħaq Monsinjur Grech.
Kompla jgħid li Xmun Indrì, Ġakbu u ħuh Ġwanni għamlu l-esperjenza personali ta’ Ġesù imbagħad bdew isiru familjari mat-tagħlim tiegħu. Saħaq li xi kultant jiġri bil-kontra, jiġifieri l-ewwel “nimlew moħħna b’ħafna kunċetti u riflessjonijiet teoloġiċi, imbagħad forsi naslu għand Ġesù.
“Qegħdin nirriskjaw li jkollna “kunċetti” reliġjużi imma mingħajr ma nkunu nemmnu f’Alla,” temm jisħaq Monsinjur Grech.