“Ninkwieta meta dokumenti ma jiġux ippubblikati b’mod sħiħ fil-Parlament”

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li jinkwieta meta fil-Parlament jiġu ppreżentati kuntratti jew dokumenti, li ma jiġux ippubblikati b'mod sħiħ.
Huwa qal dan fiż-żjara li kellu mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u għadd ta’ Membri Parlamentari.
Mons. Scicluna appella biex hu u jiskrutinja x-xogħol tal-Gvern, il-Parlament jesiġi li jkun hemm spirtu ta’ trasparenza.
Saħaq li fl-istess waqt “il-Parlament għandu jkollu qafas ta’ kunfidenzjalità”.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-Parlament jagħmel ħiltu biex kulħadd ikun infurmat. Minkejja dan jgħid li hemm ħafna x’jitranġa biex ix-xogħol dejjem ikun aħjar u fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Farrugia kompla jgħid kif issa ġew ippubblikati rulings li jmorru lura għal żmien l-indipendenza. Semma fost l-oħrajn kif kull dokument li jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra, jitla’ onlajn fi ftit minuti, u jkun aċċessibbli għall-ġurnalisti u anke għall-pubbliku.
Jappella lill-MPs biex jitkellmu bi prudenza fil-Parlament
L-Arċisqof saħaq li l-membri parlamentari jkunu ta’ eżempju għall-pubbliku, u li jitkellmu b’mod prudenti fil-Parlament.
Huwa jagħmel referenza għall-Kelma t’Alla u jqabbel lill-membri Parlamentari ma’ musbieħ li jitpoġġa fuq muntanja, u li kulħadd iħares lejh. Għalekk huwa jħoss li hemm bżonn li fil-Parlament ikun hemm eżempji ta’ djalogu ċivili, demokratiku, infurmat u miftuħ.
“Jiena ninkoraġġikom biex intom tibqgħu tagħtu dan l-eżempju, fejn għalkemm tistgħu ma taqblux, tużaw termini, espressjonijiet u mġiba diċenti u ċivili,” kompla jgħid l-Arċisqof.
Insista li dan hu pass importanti biex fil-mezzi ta’ komunikazzjoni jinħoloq spirtu ta’ rispett.
“M’hemmx għalfejn wieħed jikkummenta fuq artiklu u jużah biex jikkalunja u jirridikola lil xi ħadd. Iżda aħna l-mexxejja għandna nkunu suġġetti għall-iskrutinju tal-poplu,” insista l-Arċisqof.
Dan l-istess spunt qajmu waqt il-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru ftit tal-minuti qabel.
Illum, l-Arċisqof iltaqa’ ma’ bosta persuni distinti oħra fosthom il-President, Membri Ewroparlamentari Maltin, il-Kummissarju tal-pulizija u membri tal-ġudikatura, fejn xtaqilhom l-isbaħ xewqat għas-sena l-ġdida.
Ritratt: Ian Noel Pace