“Ninkoraġġixxi skejjel oħra biex jimxu fuq dan il-mudell” – il-Ministru Bonnici

Ċelebrazzjoni online tal-Premju tal-Label tal-Iskola tal-eTwinning 2020-21

RItratt: Jason Borg / DOI

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ngħaqad b’mod virtwali ma’ grupp ta’ sittax-il skola li ngħataw il-Premju tal-Label tal-Iskola tal-eTwinning 2020-21 sabiex jifirħilhom ta’ dan is-suċċess.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif “l-iskejjel li ngħataw il-label tal-iskola tal-eTwinning huma eżempji kbar ta’ kif skejjel sħaħ ibbenefikaw mill-eTwinning bħala metodoloġija innovattiva biex jikkollaboraw fl-akbar network globali ta’ edukaturi. Jien tassew kburi li Malta hija għal darb’ oħra waħda mill-pajjiżi Ewropej bl-akbar numru per capita ta’ skejjel tal-eTwinning mogħtija dan it-titlu.”

RItratt: Jason Borg / DOI

“Nifraħ lil dawn is-16-il skola li ħadu dan il-premju però nħeġġeġ u ninkoraġġixxi skejjel oħra biex jimxu fuq dan il-mudell sabiex inkomplu nsemmgħu isem Malta dejjem aktar ma’ pajjiżi oħrajn. Minħabba l-COVID-19 ma kellniex l-opportunità tas-soltu li niltaqgħu flimkien għal din iċ-ċerimonja, madankollu xorta waħda rajna li din issir għaliex dawn l-iskejjel tassew ħaqqhom rikonoxximent”, żied jgħid il-Ministru Bonnici.

Bil-Label tal-Iskola tal-eTwinning, l-eTwinning jirrikonoxxi l-involviment, l-impenn u d-dedikazzjoni mhux biss ta’ eTwinnersindividwali, iżda tal-iskola kollha, fejn timijiet ta’ għalliema u mexxejja tal-iskejjel qed jaħdmu flimkien.

Huwa vjaġġ ta’ żvilupp u dawn l-iskejjel huma rrikonoxxuti bħala mexxejja fil-prattika diġitali, prattika tas-sigurezza elettronika, metodi innovattivi u kreattivi għall-pedagoġija, il-promozzjoni ta’ żvilupp professjonali kontinwu tal-istaff, il-promozzjoni ta’ prattiċi ta’ tagħlim kollaborattiv mal-istaffu l-istudenti.

RItratt: Jason Borg / DOI

F’Marzu li għadda tħabbret il-lista tas-16-il skola li ngħataw il-Label tal-Iskola tal-eTwinning 2020-21. L-iskejjel involuti huma:

L-iskola Medja tal-Kulleġġ t’Għawdex;

L-iskejjel Primarji fil-Marsa, fil-Ħamrun, f’Raħal Ġdid u fil-Belt li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca;

L-iskejjel Primarji fil-Baħrija, fir-Rabat u Ħad-Dingli li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Nikola;

L-iskejjel Primarji f’Ħal Qormi u Siġġiewi flimkien mal-iskola Medja tal-Ħandaq li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Injazju;

L-iskola Primarja Lija/Balzan/Iklin li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Tereża;

L-iskejjel Primarji fil-Gżira, San Ġwann u Pembroke li jagħmlu parti mill-Kulleġġ Santa Klara;

L-iskola Primarja Sant’ Anna f’Marsaskala li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Tumas More.

Din l-informazzjoni nħarġet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.