“Ningħaqdu f’solidarjetà ma’ ħutna fis-Sirja” – il-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, talbet lill-poplu Malti jingħaqad f’solidarjetà ma’ ħutu fis-Sirja li bħalissa għaddejjin minn traġedja oħra wara l-attakki kimiċi ta’ jumejn ilu.
Hija qalet fi stqarrija li bħala poplu għandna nkunu turija attiva tal-paċi fid-dinja, billi nkunu anki aħna, miċ-ċokon tagħna, parti mill-benessri tal-umanità kollha.
Hija u tikkundanna dawn l-attakki, Coleiro-Preca rrimarkat li l-qtil ta’ tfal innoċenti hija traġedja globali li tattakka direttament lid-dinjità tal-persuna, hekk kif anki fil-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra attakki simili huma kontra l-liġi tal-umanità.
Tenniet li l-paċi attiva tinkiseb jekk, fost l-oħrajn, inbarru d-diskors ta’ mibegħda u noħolqu strutturi li jseddqu l-unità, u mhux joħolqu d-diviżjonijiet u l-firda. Finalment, kompliet, jeħtieġ li l-impenn favur it-tama jegħleb is-sensazzjoni ta’ disperazzjoni u theddid.