Ningħaqdu biex nevitaw diżastru ambjentali

“Il-kliem ma jistax ifisser id-dwejjaq kbar li għandna meta naraw il-qerda li ħalla warajh id-diżastru ambjentali kkaġunat minn eluf ta’ bramel taż-żejt li xterdu fi tliet xmajjar fil-provinċja ta’ Santander fil-Kolombja”.
Hekk esprima ruħu Mons. Camillo Castrellon Pizano, Isqof ta’ Barrancabermja quddiem dan l-inċident li kkaġuna ħsara kbira lill-pajjiż. “Sa ftit ilu kont tieħu gost timxi f’xatt dawn ix-xmajjar mimlija ħajja u paċi u issa tista’ tisma n-natura tibki kaġun tal-ħsara kbira kkaġunata “mid-deheb l-iswed”.
Iż-żejt beda dieħel fl-ilma tax-xmajjar fl-1 ta’ Marzu li għadda imma ġie nnutat l-ewwel darba 12-il ġurnata wara, meta x-xmajjar La Lizama, Cano Muerto u Sagomoso li kollha jgħaddu minn Santander bdew ikunu kkontaminati.
“Ma din il-bikja tan-natura jiżdiedu dawk tas-sajjieda u l-bdiewa li issa qed jiffaċċjaw futur inċert għalihom, għall-familji u għall-prodotti tagħhom” kompla l-Isqof.
Issa, xahar wara d-diżastru, ir-riżultat hu katastrfoku.
Mijiet ta’ sajjieda ma jistgħux jirritornaw għax-xogħol, madwar 50 familja ta’ bdiewa kellhom jitilqu mill-irziezet tagħhom u 1,200 bhima kellhom ikunu salvati mit-tajn. Barra minn dan iż-żejt mhux maħdum ikkontamina l-ilma u l-għelieqi u qatel il-flora u l-fawna kollha tal-inħawi.
“Quddiem din it-traġedja ambjentali”, qal l-Isqof, “ejjew ningħaqdu biex flimkien b’serenità u bil-għaqal nara kif se negħlbu dan id-diżastru”. 
Hu talab ukoll lill-Avukat Ġenerali biex jinvestiga kif seħħet din it-traġedja u kif tista’ tkun evitata fil-futur. Hu appella għat-talb lil Madonna tad-Duluri “speċjalment għan-nisa tagħna li ntlaqtu b’mod qawwi minn dan id-diżastru naturali”.
Fil-jiem li ġejjin l-Uffiċċju Pastorali ta’ Barrancabermeja se jiltaqa’ ma’ membri tal-Programm għall-Iżvilupp u l-Paċi biex jevalvaw is-sitwazzjoni u jgħinu lin-nies milquta.
L-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonfermaw li mhux anqas minn 550 barmil żejt ikkontaminaw 25 kilomentru mix-xmara Sagomosa u kkaġunaw il-mewt ta’ madwar 2,460 annimal u poġġew fil-periklu s-saħħa tan-nies tal-lokal.