“Ninġabru fil-knejjes…imma morda spiritwalment u moralment”

Minkejja li l-ġemgħa reliġjuża tħares il-Ħdud, tinġabar fil-knisja, tisma’ l-Kelma t’Alla u tosserva l-kmandamenti jidher li hawn ħafna mard spiritwali u morali.
Dan qalu l-Isqof t’Għawdex Mario Grech waqt il-quddiesa tal-festa ta’ Don Bosco.
Filwaqt li ammetta li għad hawn ħafna nies li jħaddnu l-fidi nisranija u jsegwu dak li tgħidilhom, irrimarka li l-istess ġemgħa għandha kontradizzjonijiet kbar. 
Huwa kompla jispjega dan il-punt billi qal li s-soċjetà reliġjuża Maltija tedha bil-festi u ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi bl-iskuża li qed jingħata x-xogħol lill-immigranti. 
Dan, skont l-Isqof Grech, qed joħloq sistema ta’ skjavitù u jisħaq li dan qed isiru ukoll bil-permess ta’ min suppost joqgħod attent ħalli dawn l-affarijiet ma jsirux.
“Ħadulu l-morda biex ifejjaqhom wara li dalam”
Dan il-punt qajjmu b’referenza għall-Vanġelu li kien jirrakkont l-istorja ta’ meta n-nies f’Kafarnahum stennew li jgħaddi l-jum tas-Sabbath, kif titlobhom il-fidi tagħhom, imbagħad ma’ nżul ix-xemx ħadu lill-morda għand Ġesù sabiex ifejjaqhom.
Hu kompla jispjega kif meta Kristu ġie biex ifejjaq ma għamel l-ebda priedka imma kien biss preżenti ħdejn il-bniedem. “Imma billi Ġesù huwa l-Kelma li saret laħam, il-preżenza tiegħu biss iġġib dan il-fejqan u tiġdid.”
Għaldaqstant jispjega kif Ġesù għażel li jfejjaq lil dawn il-morda fil-jum tas-Sabbath, minkejja li lanqas dan ma’ kien permess, u b’hekk wera’ li mhux skjav tar-regoli. “Għalih il-mard jiġi qabel ir-regola,” kompla jispjega.
L-Isqof wissa sabiex l-insara ma jaqgħux fin-nassa li jaħsbu li draw il-Kelma ta’ Alla u li m’hemm xejn ġdid fiha għalihom.  
“Don Bosco ħalla l-Kelma tinżel fih”
L-Isqof xebbah ix-xogħol ta’ Don Bosco f’Turin ma’ dak ta’ Kristu u saħaq li ma stmerrx lill-morda għax forsi beża’ li jikkalunjawh, għalhekk ma ntrabatx mar-regoli. 
“Don Bosco ħalla l-Kelma tinżel fih, u ta’ saċerdot denn u mimli passjoni għall-bniedem, bħal Kristu huwa fittex li jkun qrib iż-żgħażagħ dgħajfin.”
L-Isqof Grech kompla jispjega kif San Ġwann Bosco fehem li kien hemm bżonn tinħoloq pastorali “tat-triq” u għaldaqstant “ħoloq ambjenti sekulari fejn bl-għajnuna ta’ pedagoġija umana u Kristjana, b’għan preventiv u inklussiv, huwa sieħeb tfal ġejjin minn żoni popolari u tal-periferija, edukahom u għallimhom xi sengħa.”