“Nilqgħu lill-immigranti mhux nittollerawhom jew nissaportuhom” – L-Arċisqof

Knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Maltin għandhom verament jilqgħu lill-immigranti u mhux jittollerawhom jew jissaportuhom. Semma kif ħafna drabi, il-kliem użat fil-konfront tal-immigranti huwa iebes iżżejjed.

Dan qalu fl-omelija tiegħu llum waqt quddiesa biex tiċċelebra Jum l-Immigranti u r-Refuġjati, li saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan.

Mons. Scicluna spjega li dan huwa l-106 Ħadd iddedikat lir-refuġjati u l-immigranti. Għal din il-quddiesa attendew immigranti li jgħixu Malta u li qed jingħataw l-għajnuna mill-Kummissjoni Emigranti li f’isem il-Knisja f’Malta toffri akkomodazzjoni lil madwar 400 persuna. Il-Kummissjoni taħdem biex dawn in-nies ikunu milqugħin, megħjuna u integrati fis-soċjetà. Mons. Scicluna semma kif f’Ħal Balzan joqogħdu madwar 118-il refuġjat.

L-Arċisqof qal li l-Mulej iħares lejn il-qalb u mhux lejn it-tikketti li joħloq il-bniedem. Irrefera għall-Evanġelju li fih jissemmew il-pubblikani u n-nisa tat-triq. Qal li dawn kienu biss tikketti li ħolqu l-Lhud għan-nies li waqgħu lura fil-ħlas tat-taxxa u għall-prostituti, rispettivament. Spjega li dawn huma kategoriji maħluqin mill-bnedmin għal bnedmin oħra bħalhom, għax Alla ma joħloqx pubblikani u prostituti, imma din sempliċiment hi tikketta li ngħatatilhom bħalma anke llum, nagħtu ħafna tikketti lin-nies.

L-Arċisqof irrefera wkoll għas-sejħa ta’ Ġesù biex naħdmu fid-dielja u qal li din hi stedina għall-bnedmin biex ikollhom sehem fil-proġett t’Alla, li hu proġett ta’ mħabba. Meta taslilna din l-istedina, irridu ngħidu iva għal kollox, spjega l-Arċisqof, u dan ifisser li nilqgħu, nipproteġu u nintegraw. L-immigranti joffrulna opportunità biex nilqgħu lill-Mulej, qal l-Arċisqof.

Mons. Scicluna fisser ukoll li l-piż tal-immigrazzjoni ma nistgħux nerfgħuh waħedna. Huwa sellem lill-awtoritajiet li fuq livell Ewropew, jinsistu fuq is-solidarjetà.