“Nilqa’ lil kull min għandu għal qalbu l-PN” – Adrian Delia

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Dellia qal li bħala Kap tal-Partit irid jiżgura li kull min għandu għal qalbu l-PN ikun milqugħ u jingħata l-opportunità jikkontribwixxi fit-twassil tal-politika Nazzjonalista.
Waqt laqgħa organizzata għall-kunsilliera u t-tesserati fil-Każin Nazzjonalista tal-Mosta, Dr Delia qal li jrid li jżewweġ il-ħsibijiet differenti flimkien u l-PN jerġa' jsir forza li tgħaqqad u twieġeb għall-aspirazzjonijiet tan-nies.
Huwa wiegħed li se jsaħħaħ l-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista billi jżid is-sinerġija bejniethom u jżewweġ l-enerġija żagħżugħa mal-esperjenza kbira tal-veterani.
Qal li bħala Kap tal-PN se jiżgura pjan li jkompli jsaħħaħ il-vijabilità finanzjarja fl-istrutturi kummerċjali tal-Partit.
Dr Delia qal li huwa spalla ma' spalla mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Wiegħed li l-viżjoni tiegħu hi li terġa' lura n-normalità fil-pajjiż fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu verament mingħajr biża’ jew favur u l-poplu jerġa' jħoss li qed jgħix id-demokrazija ħajja li tant iġġieled għaliha fil-passat.