“Nilqa’ avvanzi mediċi li jagħtu l-ħajja, imma…”

Dwar il-proposti għal emendi fl-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijun, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li hi dejjem tilqa’ avvanzi mediċi li jagħtu l-ħajja, imma “jien minix xjentist jew espert mediku, u dawn id-diskussjonijiet għandhom jiġu bbażati fuq il-fatti mhux fuq l-ispekulazzjoni.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Roberta Metsola qalet li fi kwistjonijiet bħal dawn hu meħtieġ li wieħed jisma’ dak li qed jgħidu l-ġenituri u t-tobba.
Semmiet il-proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista biex jisma’ dak li qed jgħidu l-esperti, kif ukoll il-persuni milquta f’dan il-qasam.  Saħqet li “nkunu irresponsabbli jekk ma nagħmlux hekk.”
"L-iffriżar tal-embrijuni jqajjem kwistjonijiet emottivi"
L-MEP Nazzjonalista qalet li l-iffriżar tal-embrijuni jqajjem numru ta’ kwistjonijiet emottivi, li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta għandha tindirizza.
“Sadanittant, irridu wkoll nistennew sakemm il-Gvern jippubblika l-abbozz ta’ liġi – bħal kull ħaġa oħra, trid tara x’inhuma d-dettalji,” żiedet tgħid.
Dr Metsola qalet li wieħed irid jara għaliex hu meqjus neċessarju li tinbidel il-leġiżlazzjoni eżistenti, li daħlet fis-seħħ tliet snin ilu biss.
Esiġiet li wieħed irid jifhem x’tip ta’ salvagwardji hemm maħsuba u x’tip ta’ qafas legali se jiggverna dan il-proċess. Sostniet li dawn huma kollha mistoqsijiet li ma jistgħux jitwieġbu qabel jiġi ppubblikat l-abbozz biex wieħed jifhem x’inhuma l-intenzjonijiet tal-Gvern.
L-Ewroparlamentari saħqet li din hi kwistjoni li tittħalla strettament f'idejn kull stat membru biex jiddeċiedi dwarha.
Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea m’għandha l-ebda kompetenza biex tilleġiżla f’dan il-qasam, u li bħala MEP hi dejjem se tivvota biex jinżamm dan l-istatus quo.
“L-Unjoni Ewropea qatt ma tista' timponi affarijiet bħal dawn fuq l-Istati Membri, u hu importanti li jsir dan il-punt biex ma tinħoloqx konfużjoni,” qalet Dr Metsola.