Nikolaos: Il-PN b’appell lill-Gozo Channel u lill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gozo Channel u lill-Gvern biex jagħtu spjega ċara dwar kemm se jdum jopera l-vapur Nikolaos. Fi stqarrija, maħruġa mid-deputati Nazzjonalisti Maria Deguara, Chris Said u Kevin Cutajar, il-livell ta’ aċċessibilità tal-vapur ġie deskritt bħala fqir. Talbu wkoll xi pjani hemm biex is-sitwazzjoni titjieb, jew jinġieb vapur ieħor b’livell sodisfaċenti ta’ aċċessibbiltà.

Aqra: L-aċċessibilità fil-vapur Nikolaos diskussa fil-Parlament

Id-deputati Nazzjonalisti saħqu li t-tħassib tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, jirrifletti l-karba ta’ kategorija ta’ nies li għandhom diffikultajiet fil-mobilità tagħhom, minħabba diżabilità, età jew saħħa, u qed jilmentaw partikolarment minn nuqqas ta’ lift, ħafna turġien u l-inkonvenjent u l-periklu kkawżat meta l-passiġġieri bilfors iridu jirkbu u jinżlu mal-vetturi.

Aqra: Stair lift minflok lift fuq in-Nikolaos – CRPD

Il-PN irrimarka li filwaqt li r-raba’ vapur kien bżonnjuż għal konnettività aħjar għall-Għawdxin kollha, il-passiġġieri li qed jilmentaw, għandhom dritt daqs ħaddieħor li jivjaġġaw fuq il-vapuri b’dinjità.

L-Oppożizzjoni rrimarkat ukoll li qed jiżdiedu l-ilmenti minn dawk b’diffikultà ta’ mobilità dwar it-terminal fil-port taċ-Ċirkewwa, hekk kif qed ikunu aktar spissi d-drabi meta s-side ramp ma tkunx qed tiffunzjona u l-passiġġieri jintalbu jirkbu jew jinżlu mal-vetturi.

Aqra: In-Nikolaos se jibqa’ sakemm joħroġ tender ieħor – Caruana