Il-fergħa Maltija tal-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali tat-Tfal u l-Adoloxxenti (ACAMH) ikkundannat il-kummenti razzisti ta’ uffiċjali pubbliċi u ta’ nies oħra li ddeskrivew lin-nies maqbudin fuq il-baħar bħala piż żejjed.
Fi stqarrija l-ACAMH qalet li tinsab imħassba dwar il-lingwaġġ li ċerti Maltin użaw fuq il-midja soċjali b’rabta mal-każ tad-dgħajsa bl-immigranti qrib l-ibħra Maltin.
L-ACAMH hija magħmula minn tobba, psikologi, u professjonisti tas-saħħa oħra li jaħdmu maż-żgħar. Dawn qalu li jiddispjaċihom għal mod kif l-immigranti tħallew abbandunati fuq il-baħar għal diversi jiem. Qalu li dan wassal għall-mewt ta’ għadd ta’ persuni.
Kelliema għall-ACAMH qalu li Malta għandha tħaddan kultura ta’ rispett. Qalu li meta wieħed jirrifjuta lil jgħin lil min ikun fil-bżonn u jitkellem b’mod stereotipiku dan ikun qed jinfluwenza b’mod negattiv lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
L-AMACH qalet ukoll li kieku ma kienx għall-intervent tal-NGOs li jsalvaw lin-nies, aktarx kien ikun hemm aktar imwiet.
L-assoċjazzjoni fakkret fil-ġrajja bibblika ta’ meta San Pawl niżel Malta. Staqsiet jekk il-ġenerazzjoni tal-lum tridx tnessi mill-ospitalità li wrew il-Maltin fil-passat.
“Naqbdulhom il-vapur u ngħerrquhulhom!”
Hekk kiteb il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti dwar vapur ta’ NGO li jsalva lin-nies milli jmutu fil-baħar.
Il-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) iddiżassoċja ruħu mill-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tagħha Alfred Grixti. Madanakollu, Grixti ma tkeċċiex.