Nikkundannaw kull att vandalu fuq id-Dwejra – GTA

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) ikkundannat bil-qawwi l-atti vandali li wettqu ċertu individwi, repetutament, fid-Dwejra.

Fi stqarrija spjegat li l-vandali, li mhux magħruf min huma, attakkaw u qaċċtu siġar fis-sit magħruf bħala wirt kulturali mill-UNESCO fl-aħħar jiem. Sostniet li dan l-att vandalu qed itebba l-ġmiel naturali ta’ waħda mill-aktar żoni pittoreski tal-gżejjer Maltin.

GTA spjegat li d-Dwejra hija waħda miż-żoni turistiċi prinċipali f’Għawdex u jżuruha eluf ta’ turisti kull sena. B’hekk sostnew li huwa dispjaċir kbir għalihom jaraw dan it-tip ta’ vandaliżmu.

L-Assoċjazzjoni ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex jagħmlu ħidma aktar intensiva biex jipproteġu siti tat-tip u biex jinvestigaw kull tip ta’ vandaliżmu. Ħeġġew ukoll lil dawk kollha li għandhom xi tip ta’ informazzjoni dwar l-atti vandali biex jagħmlu rapport mal-pulizija li bħalissa qed jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom.

Nhar il-Ġimgħa, il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz talab lill-awtoritajiet sabiex joffru aktar sigurtà biż-żona. Dan hekk kif aktar siġar ġew vandaliżżati. Appella għal preżenza tal-pulizija u l-bżonn ta’ sorveljanza permezz ta’ cameras tas-CCTV. Qal li jekk jingħata l-finanzi, il-Kunsill lest li jidħol għal dan il-proġett hu stess.

Wara rapport ġdid illum, ta' tentattiv ieħor ta' vandaliżmu fuq siġar fid-Dwejra, il-Kunsill qed itenni t-talba urġenti…

Posted by Kunsill Lokali – San Lawrenz – Local Goverment on Friday, April 24, 2020