“Nikkollaboraw ma’ artisti lokali biex toħroġ il-kreattività minn dan il-maltemp” – Ruben Zahra

RitrattL Stephen Buhagiar

Read in English.

Festivals Malta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nedew il-Malta International Arts Festival (MIAF) ta’ din is-sena, bħala parti mill-kalendarju kulturali tal-festivals tas-sajf.

Minħabba r-restrizzjonijiet fuq attivitajiet pubbliċi li nħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa, ma kienx possibbli li l-MIAF isir bħalma kien pjanat. Minkejja dan, it-tim ta’ Festivals Malta, flimkien mad-Direttur Artistiku Ruben Zahra, ħadmu biex joħolqu programm ġdid li jimxi mal-linji gwida tad-distanza soċjali; il-pjanijiet oriġinali tal-festival ġew posposti għas-sena d-dieħla. Intant, l-MIAF se jkun qed jadotta strateġija virtwali u se jkun qed isir bejn id-19 ta’ Ġunju sal-5 ta’ Lulju.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal li matul dawn il-ġimgħat, il-ministeru, permezz tal-organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, irnexxielu jkompli jsostni l-industrija tal-kultura permezz ta’ numru ta’ inizjattivi waqt dawn iż-żminijiet inċerti. “Hu ta’ inkoraġġament kbir li naraw il-Malta International Arts Festival, li hu wieħed mill-festivals ewlenin tas-sajf f’Malta, ikompli jsir online minkejja r-restrizzjonijiet kurrenti. Festivals Malta reġgħet irnexxielha tniedi programm li jinvolvi bosta artisti”, qal il-ministru.

Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, qalet li, “Bħala Festivals Malta, aħna ħassejna li hu d-dmir tagħna li mhux biss nipprovdu sors ta’ divertiment lil dawk li għandhom għal qalbhom l-arti u l-kultura imma kif ukoll inkunu ta’ kuraġġ u noffru sapport lill-artisti lokali tagħna.”

Ritratt: Kurt Mizzi

L-MIAF – Online Edition, se jkun qed jippreżenta numru sostanzjali ta’ artisti lokali filwaqt li jesponi t-tliet pilastri tal-arti tal-ispettaklu: iż-żfin, il-mużika u t-teatru. L-online festival se jkollu tnax-il filmat b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Teatru Malta u s-Soċjetà Maltija tal-Arti. Programm eċitanti ta’ disa’ produzzjonijiet, b’koreografiji minn Dorian Mallia, Pamela Kerr u Rochelle Gatt, akkumpanjati mil-mużiċisti Francis Camilleri u Luke Baldacchino u l-kompożitur Luc Houtkamp. Jinkludi wkoll tliet ensembles mużikali mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Mill-ġeneru tat-teatru, l-awturi Trevor Zahra, Simone Spiteri u Malcolm Galea kitbu varjetà ta’ monologi li se jiġu interpretati mill-atturi Joseph Galea, André Mangion u Mikhail Basmadjian.

Bħala simbolu ta’ għaqda u ta’ solidarjetà f’dawn iż-żminijiet inċerti, ’il fuq minn 100 artist lokali ngħaqdu flimkien f’tliet artist collectives, li jinkludu żfin koreografat, verżjoni moderna tad-diska ‘Kemm Hu Sabiħ’, oriġinarjament kantata minn Sammy Bartolo, u prestazzjoni unika tal-poeżija ‘L-Għajta ta’ Malta’ ta’ Oliver Friġġieri, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Malta. Festivals Malta se tkun qed tniedi wkoll l-‘Archive Series’, li tikkonsisti f’online streaming b’xejn ta’ ħames produzzjonijiet mill-MIAF 2019.

L-MIAF se jkun qed joffri spettaklu ieħor bl-isem ta’ ‘Opera Highlights’, li se jagħmel parti mill-Hybrid Festival, li se jkun qed iżur ’il fuq minn 50 lokalità madwar Malta biex iwassal il-mużika live lill-poplu.

Id-direttur artistiku Ruben Zahra saħaq dwar l-importanza li noħolqu impenn bejn l-udjenza u l-artisti tagħna tul dawn iż-żminijiet. Ruben Zahra qal, “Naħseb li bħalissa l-arti u l-kultura huma aktar importanti minn qatt qabel. Inħoss li hu fid-dmir tagħna li ningħaqdu mal-udjenzi tagħna u nikkollaboraw ma’ artisti lokali biex toħroġ il-kreattività minn dan il-maltemp li għaddejjin minnu. Tul dawn iż-żminijiet aħna rridu nagħtu aktar valur lill-kultura, lill-wirt nazzjonali u lill-artisti tagħna, biex b’hekk ningħaqdu flimkien b’sens ta’ tama u ta’ solidarjetà”.

Il-Malta International Arts Festival – Online Edition se jittella’ bejn id-19 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju. Għal aktar informazzjoni żur is-sit permezz ta’ dan il-link.