‘Nikkalkula li hemm mal-500 persuna oħra li għandhom jew kellhom il-virus’

REUTERS/Loren Elliott

Il-Konsulent tal-Ġenetika u l-Fiżjoloġija, il-Professur Christian Scerri qal li jikkalkula li hemm mal-500 persuna oħra f’Malta li għandhom jew kellhom il-coronavirus.

Prof. Scerri qal dan waqt intervista li kellu fuq it-TVM. F’Malta s’issa ġew reġistrati uffiċjalment 450 każ tal-COVID-19. Bħalissa hawn 160 każi attivi.

Prof. Scerri qal li l-500 persuna l-oħra jistgħu jinqabdu biss b’aktar testing fil-komunità.

Dwar il-possibilità tat-tieni mewġa tal-coronavirus, Prof. Scerri qal li din tista’ tiġi evitata jekk in-nies jibqgħu jżommu d-distanza minn xulxin u li l-portijiet jibqgħu magħluqa.

Dawk in-nies li jridu li jiġu ttestjati għall-coronavirus jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu l-111 anke jekk ma jkollhomx sintomi.

Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt persuni involuti fil-proċess tal-iswabbing ġew infurmati li nies li m’għandhomx sintomi tal-COVID-19 jistgħu xorta jagħmlu appuntament għat-test. Dan isir billi jċemplu fuq il-helpline tal-Gvern 111.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn