Nike trid 50 biljun dollaru bejgħ

Il-kumpanija multinazzjonali tal-qasam sportiv, Nike, ħabbret li l-mira tagħha sas-sena 2020 hu li tibda tiġġenera mal-50 biljun dollaru f’bejgħ kull sena. Dan grazzi għal żieda qawwija fil-prodotti tagħha madwar id-dinja.
Waqt preżentazzjoni ta’ dan l-objettiv, il-Kap Eżekuttiv Mark Parker spjega kif Nike qed timmira li tara l-bejgħ tagħha jikber b’10% sena fuq oħra.
Dan f’messaġġ ċar għall-eqreb rivali tagħha, il-kumpanija li qed tikber b’rata ferm mgħaġġel, Under Armour. Din is-sena Nike ġiet ikklassifikata fil-106 post tal-lista Fortune 500, titjib ta’ 9 pożizzjonijiet mis-sena li għaddiet.
Xhieda ta’ kemm hi ambizzjuża din il-mira l-ġdida, Nike fil-preżent tiġġenera ftit aktar minn 30 biljun dollaru u kienet damet kważi 13-il sena biex iżżied il-bejgħ tagħha minn 10 għal 30 biljun.
Ħarsa fid-dettall ta’ kif Nike temmen li tista’ tilħaq din il-mira, l-akbar żidiet qed jiġu indikati fil-kummerċ elettroniku, fejn s’issa l-kumpanija ma tiġġenerax aktar minn biljun dollaru.
Sal-2020, il-kumpanija temmen li se tkun qed tbiegħ mas-seba’ darbiet iktar minn fuq l-internet.
Il-kumpanija tara wkoll żieda qawwija fil-bejgħ ta’ prodotti tan-nisa, grazzi kemm għal kampanji ta’ reklamar iktar aggressivi iżda wkoll frott bidliet kulturali u soċjali li qed jaraw aktar nisa jipprattikaw aktar sport.
F’dan is-settur, Nike qed timmira li tirdoppja d-dħul li attwalment huwa ta’ 5.5 biljun dollaru.
Fl-aħħar, filwaqt li Nike se tibda timbotta l-prodotti li jġibu isimha, se tkun qed issħħaħ ukoll il-kampanji kummerċjali fuq ditti oħra li huma proprjetà tal-istess kumpanija, fosthom Jordan.
Minkejja t-theddid, tirranka l-Korea t’Isfel
L-ekonomija tal-Korea t’Isfel irreġistrat l-akbar tkabbir fl-aħħar seba’ snin hekk kif id-domanda globali għall-prodotti elettroniċi manifatturati fiha għeleb it-tħassib ġeopolitiku fir-reġjun.
Il-prodott gross domestiku kiber b’1.4% fit-tielet kwart meta mqabbel mat-tieni, ferm ogħla minn previżjonijiet ta’ 0.8%. Din kienet l-akbar żieda sa mit-tieni kwart tas-sena 2010.
Meta wieħed iħares lejn is-sena globalment, it-tkabbir ta’ din is-sena kien ta’ 3.6% fuq is-sena li għaddiet.
Dawn in-numri pożittivi huma riżultat tas-suċċess tar-raba’ l-akbar ekonomija Ażjatika fil-bejgħ ta’ prodotti bħal memory chips, semiconductors u prodotti oħra marbuta mat-tagħmir elettroniku.
Dawn pattew għad-daqqa kemm fit-turiżmu kif ukoll fil-bejgħ mill-ħwienet li rriżultaw wara l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet diplomatiċi bejn iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel dwar sistema ta’ difiża mill-missili, barra l-provokazzjonijiet militari mill-Korea ta’ Fuq.
Wara l-ħruġ ta’ dawn ir-riżultati, diversi analisti finanzjarji prevedew żieda fir-rati tal-imgħax mill-bank ċentrali. Il-munita lokali tal-Korea t’Isfel, il-won, issaħħet fil-konfront tad-dollaru, u laħqet l-ogħla livell f’dawn l-aħħar xahrejn.
Il-Bank Ċentrali Korean qed jipprevedi li sal-aħħar tas-sena l-ekonomija tal-pajjiż tkun espandiet bi 3%.
Aktar impjiegi, aktar dejn għall-Awstraljani
L-ekonomija Awstraljana mistennija tirranka fis-sentejn li ġejjin grazzi għal żieda qawwija fl-impjiegi, kif ukoll investiment infrastrutturali qawwi mill-Gvern. Dan minkejja li bosta osservaturi ekonomiċi huma mħassba mid-dejn tal-familji Awstraljani.
L-ekonomisti qed ibassru li l-ekonomija Awstraljana – li għandha valur ta’ madwar 1.33 triljun dollaru, mistennija tikber b’2.3% din is-sena, minkejja li sofriet ftit fit-tielet kwart tas-sena kaġun tal-maltemp li ħakem din il-gżira-kontinent.
L-istess tbassir jindika li l-ekonomija mistennija tikber b’rata aktar mgħaġġla fl-208 u 2019, biex b’hekk jestendi r-rekord li l-Awstralja għandha ta’ 26 sena mingħajr riċessjoni. Dan it-tbassir pożittiv huwa rifless f’sensiela ta’ stħarriġ kummerċjali. Li kollha juru titjib fil-bejgħ, profitti u ħolqien ta’ impjiegi.
Fl-aħħar tnax-il xahar, inħolqu aktar minn 372,000 impjieg ġdid, l-ogħla rata sa mill-2008.  Fl-istess waqt, il-Gvern ċentrali kif ukoll dawk reġjonali qed jinvestu b’rata mgħaġġla fl-infrastruttura, b’mod ġenerali fil-qasam tas-saħħa, fl-edukazzjoni u fil-kostruzzjoni.
Hu kkalkulat li grazzi għax-xogħol infrastrutturali waħdu, mistenni jżid maż-0.7% tal-PGD, u joħloq mas-36,000 impjieg ġdid. Minkejja, dan iż-żidiet fil-pagi baqgħu pjuttost ristretti.
Filwaqt dawn iċ-ċifri huma kollha xhieda ta’ ottimiżmu, bosta osservaturi kif ukoll il-Bank Ċentrali huma mħassbin bir-rata dejjem tikber ta’ dejn tal-familja Awstraljana, fuq quddiemnett djun biex jixtru l-proprjetà.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment