“Niġi spiss Malta; ma noqgħodx f’lukanda” – Sai Mizzi

Read in English.

Sai Mizzi Liang, mart il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, qalet fil-Qorti li hi tivvjaġġa spiss lejn Malta.

Hija kienet qed tixhed dalgħodu permezz ta’ Skype, fil-każ tal-libell li l-Ministru ressaq kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Il-każ jitratta l-allegazzjoni li Mizzi kellu relazzjoni barra ż-żwieġ ma’ Lindsey Gambin, li kienet l-Uffiċjal responsabbli mill-komunikazzjoni tal-Ministeru tiegħu, u li din kienet ir-raġuni li Mizzi Liang telqet minn Malta lejn iċ-Ċina.

Mizzi Liang fix-xhieda tagħha ċaħdet dan kollu kif ukoll ċaħdet l-allegazzjoni li meta tiġi Malta toqgħod f’lukanda. Hija saħqet li din kienet gidba.

L-avukat difensur spjega li ma kellux aktar xhieda peress li waħda mix-xhieda kellha tkun propju l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Il-każ se jkompli f’Ottubru.