Aġġornata: Il-PN jisħaq dwar il-ko-responsabbilità tal-UE fl-immigrazzjoni

Aġġornata 20.06.2015 11.12am
Il-Partit Nazzjonalista qal li bix-xieraq li fil-Jum Dinji għar-Refuġjati, ħarsitna ddur fuq il-miljuni ta’ persuna li jiffaċċjaw persekuzzjoni fosthom dik għal raġunijiet reliġjużi jew minħabba oppressjoni.

Il-PN awgura li fil-jiem li ġejjin l-Unjoni Ewropea tagħraf li l-problema tal-immigrazzjoni mhix biss ta’ dawk il-pajjiżi li fihom imorru għall-kenn u l-għajnuna l-immigranti. Intqal li jrid jitwettaq il-kunċett ta’ solidarjetà flimkien ma’ dak ta’ ko-responsabbilità.  
Aktar kmieni
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għar-Refuġjati, numru ta’ organizazzjonijiet ingħaqdu bejniethom biex jisħqu dwar l-importanza tal-familja għall-persuni li jkollhom jaħarbu minn pajjiżhom biex isibu protezzjoni.
Il-fondazzjonijiet aditus, Xelter u Għajnuna lill-Immigranti, UNHCR Malta, il-fondazzjoni Integrazzjoni, JRS Malta, KOPIN, l-Għaqda għall-Ħbiberija fid-Diversità u People for Change Foundation ingħaqdu flimkien biex Malta tħaddan politika li tgħaqqad lir-refuġjati mal-membri tal-familji tagħhom.
B’hekk, qalu li l-qraba tar-refuġjati ma jkollhomx għalfejn jirriskjaw ħajjithom biex jingħaqdu ma’ dawk li jkunu kisbu status ta’ refuġjat f’pajjiż ieħor.
Jappellaw ukoll biex Malta tassigura li d-drittijiet legali tar-refuġjati jiġu mħarsa u li d-dokumentazzjoni li jingħataw, toffrilhom protezzjoni reali.
Intant il-Kummissarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, António Guterres qal li minkejja t-traġedji tal-immigranti, pajjiżi sinjuri qed iqisuhom bħala terroristi, jew persuni li jridu jidħlu f’pajjiż ieħor biex isibu impjieg.
Ritratt: MOAS – Facebook