“Niftakru f’dawk kollha li ħadmu fil-partit għall-ġustizzja” – Bartolo

Luke Zerafa

Read in English.

Fil-messaġġ tiegħu tal-lum fuq Facebook, il-Ministru Evarist Bartolo appella sabiex hekk kif il-Partit Laburista wasal biex jiċċelebra l-100 sena mit-twelid tiegħu, jiftakar fl-eluf ta’ nisa u rġiel li emmnu u ħadmu fil-partit għall-ħelsien, il-ġustizzja u ħajja suret in-nies għall-poplu.

Il-messaġġ ta’ Bartolo jirreferi għal Ġanni, ħaddiem tat-tarzna bħala eżempju. Hu semma li Ġanni ħa sehem fil-protesti tal-1958 li sejjaħ il-Perit Dom Mintoff kontra l-ħakma kolonnjali Brittannika. Qal li hu ħelisha għal ftit mnn xebgħa lembuba tal-pulizija kif kien ġralhom sħabu dakinhar. Qal li Ġanni ħa sehem fl-istrajkijiet tal-General Workers’ Union (GWU) fit-tarzna għal kundizzjonijiet aħjar u kontra s-sensji.

Irrimarka li Ġanni għamel ħajtu jiġġieled favur il-ġustizzja u kien jaqbeż għal min kien minn taħt. Qal li mill-ftit li kellu kien jgħin lil min kien fil-bżonn. Ġanni miet seba’ snin ilu u bilkemm ħalla flus warajh biex ikun jista’ jsirlu funeral. Qal li minkejja t-tbatija, familtu għexet kuntenta. Spjega li ftit jiem ilu, ibnu tkellem ma’ Bartolo u qallu “kieku għadu ħaj illum, xi jgħid missieri?”

Irrimarka li Ġanni qatt ma nqeda bil-partit biex jaħtaf artijiet pubbliċi u kuntratti tal-gvern, jew inkella biex jieħu xi ħaġa bi preferenza u li ma kellux dritt għaliha.

Bartolo qal li llum il-ġurnata l-ekonomija nbidlet u t-tarzna ċkienet ħafna. Qal iżda li anke llum għad hawn ħafna nisa u rġiel bħal Ġanni, li jaħdmu f’oqsma differenti. Appella biex dawn ma jiġux traduti.

Hu kkwota wkoll dak li qal Ġużè Ellul Mercer: “Jien qiegħed fil-Partit tal-Ħaddiema mhux minħabba fl-għerf jew fl-onestà ta’ dawk li qegħdin imexxu lill-partit…. L-anqas ma jien fil-Partit tal-Ħaddiema għaliex għandi xi tama illi dan il-partit se jsewwi d-dinja pitgħada, jew sejjer ibiddel il-ġimgħa d-dieħla d-drawwiet il-ħżiena ta’ ħuti l-bnedmin…. Jiena qiegħed fil-Partit tal-Ħaddiema għaliex id-duttrina, jiġifieri t-twemmin ta’ dan il-partit, fil-fehma tiegħi kien, għadu u x’aktarx jibqa’ l-aktar wieħed fost kollha li jqarreb lejn is-sewwa…. Il-mexxejja ta’ ħila politika jiġu u jmorru, jgħaddu u jintesew, u flokhom jiġu oħrajn, iżda l-prinċipji, il-pedamenti sodi li fuqhom huwa mibni l-Partit tal-Ħaddiema, ma jinbiddlux…. it-twemmin li kull min twieled bniedem, għandu jgħix ta’ bniedem, kull min twieled jeħtieġ li jitgħallem ta’ bniedem, jaħdem ta’ bniedem u jiekol ta’ bniedem, tant jekk twieled bin il-għana, kemm jekk twieled bin il-faqar.”

Bartolo temm jgħid li l-valuri li jemmnu fihom nies bħal Ġanni u Ellul Mercer u li għalihom twieled il-Partit Laburista għadhom jgħoddu. Qal li dan minkejja ż-żminijiet li qed ngħixu fihom. Sostna li ċertament wieħed mhux antikwat jekk jaħdem għal dawn il-valuri u jara li jitwettqu fil-politika u jiġu implimentati fil-ħajja ta’ kuljum.