Nifs għall-ambulanzi ta’ Mater Dei imma…

Il-garaxx tal-ambulanzi tal-emerġenza bħalissa qed jagħmel użu minn ambulanza tal-Malta Red Cross sabiex jassigura li l-azzjonijiet industrijali li ordnat il-General Workers’ Union (GWU) il-ġimgħa l-oħra ma jkollhomx effetti negattivi fuq is-servizzi tal-isptar.
Kelliema għall-Ministeru kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-Isptar Mater Dei iddeċieda li jikri ambulanza tal-Malta Red Cross ħalli jitnaqqas l-inkonvenjent għall-pazjenti kif ukoll l-impatt li ħallew id-direttivi fuq is-servizz.
Il-Kelliema kkonfermat ukoll li hemm qbil bejn il-Ministeru u l-Malta Red Cross biex jikkolaboraw flimkien f’dawn l-istanti.
Sorsi viċin l-Isptar Mater Dei qalu ma’ Newsbook.com.mt li d-direttivi għadhom fis-seħħ u żvelaw li l-ambulanza tar-Red Cross qed tieħu ħsieb it-twassil lura tal-pazjenti.
Qalu wkoll li l-ambulanza patikolari qed topera b’tim ta’ tliet persuni, fejn normalment, dan ix-xogħol isir minn tnejn min-nies.
Is-sorsi komplew jgħidu li d-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sakemm il-maniġment jiddeċiedi li jiltaqa’ mal-ħaddiema u mal-Unjin u jiddiskuti “l-aħjar interessi” tal-ħaddiema kif ukoll tal-pazjenti.
Id-direttivi, li kienu kkonfermati ma’ Newsbook.com.mt mill-Unjin innifisha, se jibqgħu fis-seħħ sa għada, u jekk il-laqgħa tibqa’ ma ssirx, id-direttivi mistennija jeskalaw.
L-istess sorsi kienu saħqu li wara li ħarġu d-direttivi, il-maniġment tal-garaxx tal-ambulanzi rrebella minflok ipprova jsib mezz ta' kif jintlaħaq ftehim. Is-sorsi qalu li "b'att ta' vindikazzjoni" tneħħitilhom ambulanza oħra, fejn kien se jkollhom jaħdmu b'seba' ambulanzi bil-lejl, u tmienja matul il-ġurnata.
Għaldaqstant, aktar tard is-sorsi qalu li l-maniġment ċeda u reġa’ radd lura n-numru originali tal-operat tal-ambulanzi.
Sitwazzjoni simili fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Waqt is-seduta tal-Parlament tal-lum, il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li bħalissa għaddejja laqgħat mar-rappreżentanti tal-emergency ambulance responders (EARs) tal-Isptar Ġeneral t’Għawdex, fi ħdan il-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM), sabiex jintlaħaq ftehim biex ix-xogħol li mhux imniżżel fil-deskrizzjoni tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema ma jibqax isir minnhom.
Il-Ministru kien qed iwieġeb għal domanda parlamentari mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista, David Stellini.