Joseph Muscat isaqsi Mario de Marco kisirx il-Kodiċi tal-Etika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li llum ħareġ li l-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco kien sarlu xogħol b’xejn fid-dar tiegħu fl-2012 meta hu kien ministru u saqsa jekk kisirx il-Kodiċi tal-Etika. Saħaq li dan hu test ieħor għal Simon Busuttil u saqsa x’se jagħmel dwar Mario de Marco Simon Busuttil.
Waqt li kien qed jindirizza attività politika fl-Imġarr, il-Prim Ministru qal li għada kull wieħed u kull waħda mid-Deputati tal-Gvern se jmur fil-Parlament quddiem il-poplu biex jgħidlu x’se jagħmel il-Gvern u juri kif Malta verament qed tinbidel.
Qal li l-Gvern jifhem id-dwejjaq li ġie ġġenerat fost il-poplu f’dawn l-aħħar ġimgħat u jirrikonoxxi l-fatt li hemm min hu ddiżżappuntat f’ċerti affarijiet li għamel il-Gvern.
Saħaq li għada se jmorru l-Parlament b’serenità biex jistennew il-ġudizzju tal-membri eletti mill-Poplu u qal li l-Gvern “ma jemminx bl-għajat fil-pjazez.”
Dan wara li l-Gvern u l-Oppożizzjoni qablu li l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern imressqa mill-Oppożizzjoni wara l-iskandlu tal-Panama Papers se tiġi diskussa għada bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-10.00 ta’ flgħaxija.
Fid-diskors tiegħu tkellem dwar diversi kisbiet li akkwista l-Gvern fil-leġislatura tiegħu, fosthom kif fetaħ il-bibien għan-negozju u l-kuntatti li hemm bżonn, kif inħoloq iktar xogħol, fosthom fil-Water Services Corporation, kif ġie ffirmat ftehim mal-Huawei u kif naqas il-faqar f’Malta. Semma’ wkoll kif il-Bank Ċentrali din il-ġimgħa bassar li l-ekonomija se tmur tajjeb ħafna.
Tkellem ukoll dwar l-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u semma’ kif illum fil-gazzetti ħareġ li Chris Said iffirma biex biċċa art tingħata lill-privat. Saqsa kif saret din il-proċedura u min ħa jinvestiga.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-PN qal li d-diskors li għamel dalgħodu Joseph Muscat juri li tant hu f’s-sitwazzjoni ta’ disprament, li għażel li jitkellem fuq gidba oħra dwar wieħed mill-Viċi-Kapijiet tal-PN.
Saħaq li din hi parti mill-kampanja ta’ disprazzjoni kontra membri tal-Oppożizzjoni li hi bbażata fuq gideb.