“Nifhem lil min għandu rapport tal-FIAU u ma jgħaddihx lill-Pulizija”

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li jagħti raġun lil min għandu f’idejh xi rapport tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus, u minflok jagħtih lill-Pulizija jiddeċiedi li jippubblikah, għax skontu dak li jkun jara madwaru u jinduna li f’każijiet oħra l-Pulizija ma ħaditx azzjoni.
Ġimagħtejn ilu l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, intalab mill-Maġistrat Aaron Bugeja biex jixhed fil-Qorti dwar ir-rapport tal-FIAU li Casa qal li għandu f’idu.
Casa dejjem argumenta li dar-rappot huwa l-agħar wieħed li deher sa issa, u li skontu li jara d-dawl il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jkollux għażla oħra ħlief li jkeċċi lill-Ministru Konrad Mizzi.
Għal dan Mizzi kien qal li Casa ossessjonat bih, u qal li m’hemm xejn veru minn dak li qal, u barra minn hekk l-eksministru Manwel Mallia kien qal li huwa att kriminali li jkollok fil-pussess tiegħek dokument kunfidenzjalim tal-FIAU.
Zammit Dimech kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar ir-rapport tal-Gvern li fih it-tweġiba għar-rapport tad-delegazzjoni tal-Ewroparlamentari li ġew Malta f’Diċembru li għadda.
Argumenta li meta l-Ewroparlamentari jgħidu xi ħaġa kontra min hu, fi kliemu, “ħazin fil-Gvern Malti”, se jsibu lill-MEPs Nazzjonalisti warajhom, iżda meta l-Ewroparlamentari jgħidu xi ħaġa li taffettwa negattivament lill-poplu kollu, dawn mhux se jsibu s-sapport tal-grupp Nazzjonalista.
Huwa kien qed jirreferi għal meta kien hemm riżoluzzjoni mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-PE biex Malta titqies bħala tax haven.
“Owen Bonnici ma kkonvinċa lil ħadd” – Roberta Metsola
Sadanittant, Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Ewroparlamentari mill-istess grupp, Roberta Metsola, li rrimarkat li l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, ma qatax figura tajba meta tkellem fil-PE dwar ir-rapport imħejji mill-Ewroparlamentari Ana Gomes, f'isem id-delegazzjoni mill-Kumitat PANA u l-LIBE li żaret Malta f'Diċembru li għadda.
Metsola sostniet li l-Gvern kien kostrett joħroġ din it-tweġiba proprju minħabba l-intervent ta’ Bonnici.