“Niffokaw fuq l-aħbarijiet it-tajba flok il-ħżiena” – l-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li kultant il-bniedem jittieħed mill-ambjent ta’ madwaru, tant li jwassal aħbarijiet ħżiena flok tajba lil dawk ta’ madwaru. Huwa qal dan waqt it-tnedija u t-tberik tal-ewwel Via Lucis f’Malta fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun.

Il-Via Lucis huma l-14-il stazzjon wara l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Gesù Kristu sa Għid il-Hamsin, u li twaqqfet 30 sena ilu fl-Italja.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Awżiljarju tkellem dwar id-dawl fejn qal li l-Knisja hija msejħa biex tirrifletti id-dawl li ġej minn Ġesù. Spjega li Ġesù huwa r-rebbieħ fuq il-mewt għax jagħti t-tifsira vera lill-istorja tal-umanità.

Kompla jgħid li minħabba l-ambjent ta’ madwaru, il-bniedem ġieli jispiċċa jiffoka fuq in-negattiv minflok fuq dak li jagħti t-tama, jispiċċa jxerred l-isfiduċja u l-qtigħ ta’ qalb minflok l-inkoraġġiment li jiġi mill-fidi fi Kristu ħaj.

L-Isqof Galea-Curmi saħaq dwar l-importanza li l-bniedem iqiegħed il-fiduċja tiegħu f’Ġesù Kristu li ddeskriva bħala “d-dawl tal-ġnus”.

Tkellem dwar meta Ġesù bagħat l-Ispirtu tiegħu biex jagħti l-aqwa rigal għal ħajja tal-bniedem.  Żied jgħid li l-Ispirtu jgħin lill-bniedem jagħraf kif il-kelma ta’ Ġesù għandha tkun dawl għal ħajtu, waqt li tgħinu jimxi fit-triq it-tajba li hija wkoll it-triq rebbieħa.

L-Isqof Awżiljarju sejjaħ lil kulħadd biex ikun ta’ dawl għall-oħrajn fil-mixja tagħhom fil-ħajja, anke f’sitwazzjoni ta’ biża’ u ta’ qtigħ il-qalb.

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti