Il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia qal li l-partit li suppost huwa tal-ħaddiem u tal-fqir qed joħloq soċjetà ta’ dawk li qed jitħanżru mill-ġid u dawk li qed jiġġieldu biex ilaħħqu mal-ħajja. Huwa semma li fil-Jum kontra l-Korruzzjoni l-ġid tal-pajjiż qed imur għand tlieta min-nies meta dan jista’ jintuża ħafna ahjar biex jinxtered mal-Maltin u l-Għawdxin.
Waqt l-intervista fuq Net FM, Delia qal li jekk wieħed ma jkollux l-għajnuna tal-Ministru jew l-accountant tiegħu dan ma jkunx trattat l-istess. Huwa semma li Brian Tonna qed jitħallas €5,000 fix-xahar jagħmel l-operazzjonijiet kriminali.
Żied li l-Prim Ministru mhux biss qed jaħrab mir-responsabbiltà iżda qed jiċħad li jeżistu fatti ta’ korruzzjoni fuq dawk l-aktar qrib tiegħu. Fil-Jum Dinji kontra l-koruzzjoni il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista qal li n-nies mhux igawdu mill-ġid li qed jiġġenera l-pajjiż u għalhekk in-nies qed jgħixu f’kundizzjonijiet agħar.
Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem dwar il-korruzzjoni sakemm il-Gvern se jibqa’ jisraq €200 miljun kull sentejn mill-powerstation tal-Electrogas.
It-theddid tal-libertà tal-espressjoni, sarima ma’ ħalq in-nies
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din il-ġimgħa fil-Parlament ġie diskuss il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’din il-mozzjoni l-Partit Nazzjonalista qal kull qtil huwa kundannabbli iżda dan il-qtil jissinifika mhux biss il-qtil ta’ mara li hija omm u ġurnalista iżda wkoll attakk kontra l-midja.
Delia qal li ma mhux aċċettatha li persuna tiġi kkundannatha jew iddiskriminatha għax turi l-opinjoni tagħha. Żied li dan huwa wieħed mill-pedamenti bażiċi ta’ soċjetà demokratika u jekk il-libertà tiġi mrażżna tfisser li d-demokrazija qed tiġi mhedda.
Il-Maratona ġbir ta’ fondi
Fl-appell tiegħu għall-maratona ġbir ta’ fondi, Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun partit tan-nies u għalhekk permezz ta’ dawn id-donazzjonijiet jistgħu jkompu mexjin ‘il quddiem. Huwa qal li huwa jħares lejn dawk il-persuni u familji li daħlu l-ewwel darba l-istamperija għax iħossu li l-Partit Laburista tradihom.