Nies jippruvaw iċemplu l-111 għat-test imma ħadd ma jwieġeb

Miguela Xuereb

Diversi persuni qed jippruvaw iċemplu l-helpline tal-111 biex jagħmlu appuntament għall-iswab test tal-coronavirus imma ħadd mhu qed iwieġeb it-telefonati tagħhom.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li hemm min ilu aktar minn ġurnata jipprova jaqbad ma xi ħadd. Meta din il-kamra tal-aħbarijiet ippruvat iċċempel hi wkoll fuq il-helpline damet ħames minuti tistenna, iżda kien kollu għal xejn.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għas-Saħħa u lis-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika għar-raġuni wara dan id-dewmien u dwar x’azzjoni se tittieħed. Madanakollu, bħal dawk li qed jittamaw li jagħmlu appuntament, Newsbook baqa’ bla tweġiba.

F’Malta llum ġew reġistrati seba’ każi ġodda ta’ coronavirus. Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li dawn l-aħħar każi nstabu mill-1,353 swab tests li saru fl-aħħar 24 siegħa.

Wieħed mill-każijiet tas-Sibt li għadda kien dak ta’ ħaddiema fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-ajruport. Jidher li l-persuna ma ġietx infettata fuq il-post tax-xogħol.