Għexieren ta’ nies esprimew ir-rabja tagħhom lejn is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima wara li l-karozza tiegħu kienet ipparkjata fuq bus stop ilbieraħ filgħaxija.
Il-każ sar magħruf wara li persuna tellgħet ritratt tal-każ fuq il-grupp poplari fuq Facebook The Salott (RUBS).
“Special thanks to GM23 and all the other cars for parking on a bus stop. Apprezzajna ħafna,” kitbet il-persuna flimkien ma’ ritratt tal-karozza ta’ Grima. L-istess pesuna qalet li kellhom jerfgħu persuna li kienet qed tuża siġġu tar-roti biex titla’ fuq tal-linja. Dan għaliex minħabba l-karozza ta’ Grima, u ta’ karozzi oħra pparkjati ħażin, ma kienx hemm spazju biex tintuża’ r-rampa.

Intant Grima skuża ruħu “għal dan in-nuqqas” u qal li se jassigura li każ bħal dan ma jerġax jiġri. Grima qal li l-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija waqt li kien qed jattendi għal impenn uffiċjali f’kumpless sportive f’San Ġiljan.
“Għamilt ukoll kuntatt mal-persuna li għamlet sew meta kitbet pubblikament dwar il-każ u skużajt ruħi personalment miegħu għal kull inkonvenjent li seta nħoloq,” kiteb Grima fuq Facebook.
Intant il-nies xejn ma kienu kuntenti b’dak li ġara. Kien hemm min staqsa kif id-deputati tal-Gvern iridu lin-nies jimxu mal-liġijiet meta lanqas huma ma jimxu magħhom. Kien hemm ukoll min qal li x-xufier ta’ Grima messu jitkeċċa.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qal li Clifton Grima huwa wieħed mill-ftit deputati onesti u wieħed mill-ftit li għandu l-kuraġġ jammetti li żbalja.
Intant is-sit Lovin Malta oriġinarjament waħħal b’mod żbaljat fil-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u qal li l-karozza kienet tagħha. Aktar tard l-istess sit skuża ruħu għal dan l-iżball.
Fl-2019 il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal li l-aktar rapporti li jidħlu għand il-Kummissjoni huma dwar in-nuqqas ta’ aċċess.