Aġġornata: Nies evakwati wara ħruġ ta’ gass f’Ħal Luqa; toroq magħluqa

Għadd ta’ persuni minn tliet kumpaniji ġew evakwati f’Ħal Luqa wara li ħareġ gass qawwi minn kumpanija tal-gass fiż-żona ndustrijali, fi Triq Valletta.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonferma ma' Newsbook.com.mt li fis-7:35am irċevew telefonata li kien hemm ħruġ ta’ gass minn bowser, li jesa’ 11,000 tunnellata u nstabitlu tiċrita mal-valve minn fejn beda ħiereġ minnu xi gas.
Fuq il-post intbgħatu sitt vannijiet tal-Protezzjoni Ċivili, 18 il-ħaddiem tal-protezzjoni ċivili kif ukoll ħames uffiċjali.
Il-ħidma damet għaddejja madwar ħames sigħat u ntużaw mal 280,000 litri ta' ilma u 2,000 litru ta' foam sabiex jassiguraw li l-gass ikun infirix tant li ma jibqax iħalli effett fuq il-madwar.
Għal xi ħinijiet it-toroq tal-madwar kienu magħluqa iżda, kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonferma li Triq Qormi u Triq Valletta reġgħu miftuħa għall-pubbliku. 
Ritratt: Civil Protection Malta