“Nies bħal Gafà jitħaddmu biex jheddu l-ġurnalisti” – Repubblika

Miguela Xuereb

L-NGO Repubblika sostniet li nies bħal Neville Gafà jiġu impjegati b’mod sistematiku biex jheddu l-ġurnalisti online u joħdulhom l-enerġija biex jaħdmu. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-għaqda flimkien mal-Istitut Ġurnalisti Maltin.

Il-konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-monument nazzjonali ddedikat għall-Assedju l-Kbir kienet indirizzata wkoll mill-ġurnalist Taljan Sebastiano Scavo, li llum stess ta’ x-xhieda tiegħu f’każ kontra l-istess Gafà. Il-monument bħalissa qed jintuża bħala mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Robert Aquilina, f’isem Repubblika, qal li Neville Gafà mhux l-ewwel darba li hedded ġurnalisti.

“Hu kasbar u hedded ħafna persuni. Il-ġurnata qabel ma nqatlet Daphne, Neville Gafà ppubblika ritratti tagħha li jservu bħala prova tat-theddid, l-intrużjoni, l-intimidazzjoni u l-oppressjoni li kienet tgħix fih sal-aħħar jum ta’ ħajjitha. Neville Gafà kien operatur ta’ dan,” qal Aquilina.

Repubblika esprimiet is-sapport tagħha ma’ Scavo li wkoll kellu jaffaċċja theddid serju sempliċiment għax kien qed jagħmel xogħolu.

Gafà assistit mill-avukati ta’ Keith Schembri

Wara li nġabret biżżejjed evidenza, illum il-Pulizija ressqet il-Qorti lill-eks uffiċjal tal-OPM Neville Gafà akkużat b’theddid fil-konfront tal-ġurnalist investigattiv Taljan Sebastiano Scavo.

Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija kienet irċeviet ilment mill-ġurnalist dwar tweet ta’ Gafà direzzjonata lejh li kienet tgħid: “waqqaf in-negozju maħmuġ tiegħek. Jekk le, se nwaqqfuk aħna.”

Fil-Qorti, Scavo qal li hu kien ħassu u għadu jħossu mhedded mill-akkużat, anke wara li pprova jikkjarifika l-kwistjoni ma’ Gafà. Scavo qal li jiftakar kif fuq Twitter kien staqsa lil Gafà x’ried ifisser bil-kliem “we will stop you” (inwaqqfuk aħna) u għal min kien qed jirreferi bil-kelma “we” (aħna). Qal li Gafà qatt ma wieġeb għal din il-mistoqsija.

‘Qed ngħixu f’perjodu magħruf bħala “għalaq ħalqek ħalli ma jgħoddukx”’

Min-naħa tagħha, il-President tal-Istitut Ġurnalisti Maltin Sylvana Debono semmiet kif fl-2020, Reporters Without Borders klassifikat lil Malta fil-81 post fil-klassifika dwar il-ħelsien tal-midja. Qalet li dan juri tisbita ta’ 36 punt fl-aħħar seba’ snin.

Debono ddeskriviet lil Caruana Galizia bħala ġurnalista li kellha l-fiduċja fil-verità, fil-ġustizzja natural u fil-persuni ta’ diċenza komuni. “Daphne kellha fortitudni mwielda mill-integrità, kienet kommessa għas-servizz, kienet professjonali,” qalet il-President tal-IĠM.

Debono semmiet kif kemm Caruana Galizia u kemm Scavo huma xhieda ta’ dak li jgħaddu minnu l-ġurnalisti ta’ kuljum; insulti, ibbuljar u theddid.

“Qed ngħixu fiż-żmien magħruf bħala ‘għalaq ħalqek ħalli ma jgħoddukx’. Qed ngħixu fi żmien fejn qed niddeffinixxu mill-ġdid dak li hu xieraq, b’dak li hu xieraq għalijja. Jekk jiena ninsab tajjeb, mela nħallu lill-immigranti jgħerqu, inħallu persuni qarrieqa jisirqu u l-qattiela jibqgħu ma jbatux il-konsegwenzi ta’ għemilhom. Din mhix il-ħajja ta’ ġurnalist,” insistiet Debono.

Il-ġurnalisti f’Malta qed jaffaċċjaw periklu kbir

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Repubblika qalet li Scavo kien qed jaħdem ma’ ġurnalisti oħrajn f’Malta u fl-Italja biex jinvestigaw il-aġir tal-gvernijiet fejn jidħlu r-responsabbiltajiet tagħhom fis-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar.

Semmiet ukoll kif il-ġurnalisti f’Malta qed jaffaċċjaw periklu kbir, għax jekk jagħmlu xogħolhom sew, bħalma kienet tagħmel Daphne, mela jistgħu jistennew li se jinqatlu.

“Mhux se noqgħodu għal dan. Se nkunu spalla ma’ spalla mal-IĠM u l-ġurnalisti li qed jaħdmu fuq il-krimianlità u l-politika f’Malta. Għandna bżonnhom jekk irridu nħarsu lejn żmien fejn nistgħu nsejħu l-pajjiż bħala wieħed demokratiku mill-ġdid,” qalet Repubblika.

L-ECPMF jukkundannaw l-insulti fuq Nello Scavo

Iċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Midja fi stqarrija qalu li jikkundannaw l-insulti li l-ġunalist Taljan Nello Scavo rċieva huwa u ħiereġ mill-Qorti aktar kmieni llum. Scavo kien qiegħed jixhed fil-kawża krinimali kontra Neville Gafà li allegatament heddu fuq il-mezzi soċjali.

Wara li Scavo ta x-xhieda tiegħu fil-Qorti, huwa flimkien mal-blogger Manuel Delia sfaw insultati minn grupp ta’ persuni li huma favur Neville Gafà.

Fi stqarrija l-ECPMF qalu li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia seħħ wara snin ta’ theddid verbali u attakki fuq id-dar tagħha fost l-oħrajn. Żiedu li jekk ma jiġix indirizzat theddid li jsir minn uffiċjali tal-Gvern ikun qed jitwassal messaġġ ta’ impunità.

L-ECPMF jittamaw li d-deċiżjoni fil-15 t’Ottubru tirrifletti l-gravità ta’ dan il-każ