“Nies beżlin bil-paga minima qed jonfquha; jgħidu ‘x’għandi mill-ħajja?'”

Nies beżlin li jitħallsu bil-paga minima qegħdin jaddottaw ir-raġunament “x’għandi mill-ħajja?” u jonfqu kulma jaqilgħu, anke għax il-fatt li jitħallsu bil-paga minima qiegħed jaffettwahom psikoloġikament.

Dan qalu Andre Bonello mill-Forum Malti ta’ Kontra l-Faqar (APF) waqt konferenza organizzata mill-istess forum illum li ħarset lejn il-living income, jiġifieri d-dħul li bih wieħed ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.

Bonello qal li qed jiltaqa’ ma’ ħafna nies bil-paga minima li jirraġunaw hekk, u din ixxukkjatu, għaliex dawn huma persuni li ma ngħatawx inċentiv meta tħallew bil-pagi baxxi; qed jaħdmu aktar, imma jispiċċaw jonfqu aktar. Semma każ minnhom ta’ persuna li taħdem ġo kċina, u taħdem 80 siegħa fil-ġimgħa imma tispiċċa tonfoq kulma taqla’ minħabba spejjeż li jkollha.

Saħaq li kieku għandhom living income, m’għandhomx bżonn “jitbagħlu” biex iħallsu l-flus li jkunu ssellfu mill-bank, ma jkollhomx bżonn jgħixu ħajja ta’ ġenn u tbatija.

Bi ftit ċenteżmi 10 ijiem wara li daħlet il-paga

Matthew Borg li tkellem f’isem l-Alleanza Kontra l-Faqar semma persuna li wrietu ftit ċenteżmi li fadlilha mill-paga wara għaxart ijiem, għax taqla’ €800, iżda €550 minnhom trid tħallashom kera. Semma wkoll kif, f’isem l-Alleanza, ġieli jmur iqassam xi ikel lin-nies, u darba minnhom l-indirizz li ngħata kien ta’ dar lussuża, iżda l-ikel kien għas-seftura. Stagħġeb kif nies li jaffordjaw dar bħal dik ma tiġihomx ħniena mill-ħaddiema tagħhom biex jgħinuhom aktar finanzjarjament.

Huwa sostna li l-paga minima ma tistax tibqa’ dak li hi.

L-Alleanza Kontra l-Faqar kienet minn ta’ quddiem li ddiskutiet is-suġġett tal-living income.

Laqgħa bejn il-PM u l-Alleanza Kontra l-Faqar
Il-mira ewlenija hi li ‘nkomplu nnaqqsu l-faqar’ – Abela

Dr Claire Lucille Azzopardi Lane, id-Deputat Dekan mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, xeħtet dawl fuq il-persuni b’diżabbiltà li jaqilgħu paga minima li mhijiex biżżejjed biex jgħixu ħajja awtonoma fil-komunità, u minkejja li jaħdmu, xorta waħda jkollhom jirrikorru għal għajnuna finanzjarja.

Joe Gerada, il-President tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, qal li hu importanti li wieħed ma jinsiex lill-ħaddiema li jitqiesu unskilled workers, bħal dawk li jnaddfu, li huma fost l-aktar nies li jaqilgħu paga baxxa. Semma kif minkejja dan, f’sitwazzjoni ta’ kriżi bħall-pandemija, dorna fuqhom u kienu huma li żammew is-soċjetà għaddejja.

Jitkellmu l-politiċi…

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni fuq il-Faqar Ivan Bartolo qal li l-faqar ma nistgħux naħarbuh, għax qiegħed madwarna. Sostna li jekk nemmnu fis-solidarjetà, għandna nħossu l-obbligu li nintervjenu. Huwa temm jgħid li l-foqra mhux ħniena jridu, imma għodda, u l-għajnuna meħtieġa biex jerġgħu jsibu saqajhom u jgħixu b’dinjità.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Sigurtà Soċjali Michael Falzon qal li sfortunatament, kull mudell ekonomiku se jħalli faxxa ta’ nies hemm isfel, li għal xi raġuni, is-soċjetà ma tilħaqhomx. Saħaq li l-pandemija m’għandhiex tkun skuża biex in-nies li jgħinu lill-foqra jieqfu minn ħidmiethom, imma jridu jkunu aktar attenti biex jilqgħu għall-effetti tal-pandemija fuq dawn in-nies.

Waqt il-konferenza tkellem il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li qal li l-istudju tal-Gvern fuq id-dħul tal-għajxien bażiku għandu joħroġ l-eżitu tiegħu kmieni s-sena d-dieħla. F’Awwissu, il-Ministru kien qal li, “L-għan li nistudjaw il-kunċett ta’ living income bażiku huwa li nassiguraw dħul aktar diċenti għal kulħadd.”