“Nieħu r-ruħ meta jhedduni ċerti nies” – Evarist Bartolo

Fil-messaġġ tiegħu tal-lum, il-Ministru Evarist Bartolo sostna li meta jkun hemm ċertu nies li jgħajruh u jhedduh jieħu r-ruħ. Qal li f’dawk il-mumenti jibda jgħid li qed jagħmel xi ħaġa tajba. Qal iżda li jekk l-istess nies ifaħħruh, ikun hemm li jibda jinkwieta.

Dan il-messaġġ ta’ Bortolo ġie propju wara l-attakk ta’ Neville Gafà, li kien impjegat bħala person of trust mill-uffiċċju tal-Prim Ministru. Bartolo kien sostna li hija xi ħaġa inkwetanti meta jkollok Chief of Staff b’saħħtu li jaħkem il-Gvern waħdu. B’reazzjoni għal dan, Gafà sostna li Bartolo messu rreżenja tliet snin ilu la ma kienx jaqbel. Sostna li minflok ikompli “jobżoq l-għodju”, Bartolo messu jmur jagħmel xogħolu.

Fil-messaġġ tal-lum Bartolo sostna li hu sempliċiment tikka f’dak li għaddej minnu l-pajjiż. Sostna li ma hemmx bżonn “prima donni” li jaħsbu li huma d-dinja jew li d-dinja ddur magħhom.

Irrimarka li bħalissa hemm bżonn li kulħadd jidħol f’qoxortu, jagħmel eżami tal-kuxjenza u jitgħallem minn dak li ġara. Qal li kulħadd għandu x’jitgħallem u fejn jinbidel. Dan jekk irid li l-pajjiż jitmexxa b’mod onest, ġust, serju u demokratiku. Skontu, kulħadd għandu jagħmel dawn ir-riflessjonijiet inkluż il-partiti, il-politiċi, iċ-ċittadini, in-nies tan-negozju, l-unions, il-knisja, in-nies tal-edukazzjoni u tal-kultura u s-soċjetà ċivili kollha kemm hi.

Bartolo kompla billi staqsa: “Iċ-ċittadini lesti jieqfu jittallbu għall-pjaċiri u preferenzi u jieqfu jsarrfu l-voti tagħhom fl-irkant tal-pjaċiri?”

Staqsa wkoll, “meta se niżviluppaw sistema u kultura politika fejn il-partiti u l-politiċi jkunu ħsiebhom tassew jiddiskutu flimkien maċ-ċittadini soluzzjonijiet għall-problemi tal-pajjiż u kif pajjiżna jinbidel għall-aħjar fid-dinja tas-seklu 21?”

Temm jgħid li żgur m’hu qed jgħid xejn ġdid, iżda jemmen li jekk is-sistema u l-kultura politika ma tinbidilx, se ssir dejjem iżjed diffiċli biex persuni onesti, serji, intelliġenti u ta’ talent jidħlu għall-politika biex iservu lill-poplu u lill-pajjiż.