‘Nisma’ l-ispjegazzjoni tal-Ministru Mizzi, imma nifhmu dak li qed tgħidilna n-nies’

'Nisma' l-ispjegazzjoni tal-Ministru Mizzi, imma nifhmu dak li qed tgħidilna n-nies'.
Hekk qal il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt dibattitu parlamentari fuq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern mressqa mill-Oppożizzjoni fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers.
Muscat tenna l-akkuża li l-Oppożizzjoni titkellem biss fuq in-negattiv u qal li fi kważi 13-il siegħa dibattitu, l-Oppożizzjoni kkritikat biss lill-Gvern u ma pproponietx x’għandu jsir. Sostna li “l-Oppożizzjoni ma għandiex programm ta’ gvern”.
Huwa qal li l-Gvern se jippubblika l-kuntratti ewlenin kollha li kien involut fihom.
Sostna li l-Gvern jirrikonoxxi li wettaq diversi żbalji u se jirrimedja. Fl-istess ħin, l-Oppożizzjoni sejra mill-ħażin għall-agħar u qed issegwi politika tar-rent a mob. Qal li Busuttil qatt ma tkellem kontra l-korruzzjoni fil-Partit Nazzjonalista u ma għamel xejn dwar skandli li membri fil-Partit kienu nvoluti fihom. Staqsa jekk il-Gvern għandux jieħu lezzjonijiet mingħand Giovanni Debono, li żewġha hu akkużat li kien juża fondi pubbliċi fuq proġetti privati, jew mingħand Tonio Fenech li membru fis-segretarjat tiegħu rrikonoxxa li xxaħħam.
Iddeskriva l-iskema ta’ ċedola maħruġa mill-Partit Nazzjonalista bħala “ċedoli ta’ korruzzjoni” u sfida lill-Partit Nazzjonalista biex jippubblika l-ismijiet ta’ dawk kollha li jagħtu self taħt din l-iskema.
Huwa rrikonoxxa li żewġ żbalji qatt ma jagħmlu ħaġa tajba u li l-Gvern irid ikun ta’ eżempju. Għalhekk, waqt li se jisma’ l-ispjegazzjoni tal-Ministru Mizzi, huwa jifhem x’qed tgħid in-nies.
“Nagħmlu l-iżbalji u nerfgħuhom” huwa qal waqt li tenna li l-Gvern ma jridx jikkopja lill-Oppożizzjoni.
Saħaq li l-Oppożizzjoni għandha d-dmir ta’ skrutinju, iżda l-Gvern waqt li jaċċetta dan l-iskrutinju, għandu d-dmir li mhux biss jitkellem iżda li jiżgura li Malta tassew tinbidel.