“Nieħdu liżar imqatta’ u nagħmlu pupa taċ-ċarruta”

Pauline Cordina, nanna ta’ 81 sena tirrakkonta kif l-uniku ġugarell li kellha meta kienet żgħira kienet pupa taċ-ċarruta li għamlet minn liżar imqatta’ li tatha ommha. Tispjega kif kienu jagħmlu ras il-pupa u jimlewha, iħallu biċċa mdendla u imbagħad kienu jagħmlulha għajnejha u ħalqha bil-linka.

Fil-programm Mewġiet mill-Imgħoddi fuq RTK ma’ Marvic Cordina, Pauline tirrakkonta kif fi żmien il-gwerra kellha madwar erba’ snin, u meta kienu jinżlu fix-xelter, ma tantx kienu jilgħabu. Issemmi kif fi żmien il-gwerra, it-tfal kienu jilgħabu tas-suldati, jibnu u jwaqqgħu fortizzi mill-ġebel imwaqqa’ u jibnu l-armi mill-injam.

Pauline tirrakkonta kif kienu jaqbdu rukkell tal-injam tal-ħajt, jorbtuh bil-lastiku maż-żarbun biex taparsi mexjin bit-takkuna. Kienu wkoll jaqbdu friskatur mimli bl-ilma, jaqtgħu il-weraq tal-qsari taparsi ħut u jitfgħuhom fil-kontenitur u kienu taparsi qed ibiegħu il-ħut.

“Kemm konna nilgħabu barra, ma kellniex x’jaljenana”

Pauline tgħid li fi tfulitha t-tfal kollha kienu jilgħabu barra fit-triq għax ma kellhom xejn x’jaljenahom fid-dar bħal tablets u kompjuters. Tgħid li jekk ma kienux ikunu fit-triq, kienu jilgħabu fil-bitħa. Tirrakkonta kif meta kibret ftit, kienet tħobb tagħmel xi tellieqa mat-tfal tal-ġirien fil-Gudja. Kienu joqogħdu f’nofs it-triq quddiem il-kappella tal-Lunzjata, u tnejn kienu jinżlu jiġru minn kull naħa fit-triq ta’ wara, u min jasal l-ewwel ikun rebbieħ.

Issemmi l-ħarġiet ma’ tal-Mużew, fejn is-superjuri kienu joħorġuhom għal passiġġati ġol-għelieqi bil-ħobż magħhom, ‘il bogħod minn kollox, saħansitra mill-maskerati fil-karnivali minħabba l-iskrupli. Kienu jilgħabu bil-ballun tal-kamoxxa billi jħabbtuh mal-art, iżommuh f’idejhom u jħabbtuh mal-art, bil-ħabel, kif ukoll biż-żibeġ jew biż-żerriegħa tal-ħarrub, meta jitilfu ż-żibeġ. Il-logħba kienet tkun li jagħmlu ħofra mal-art, jaqtgħu bejniethom u min jiġi jwaddab iż-żibeġ l-ewwel, u min fosthom iwaqqa’ l-iktar żibeġ fil-ħofra jirbaħ.

Pauline tirrakkonta dwar logħob bir-rima tat-tfal mill-passat, fosthom il-ħaġa moħġaġa, onġi onġi onġella, in-noli, pizzi pizzi kanna, il-kastig u t-tiġieġa l-għamja u ż-żunżana ddur iddur. Issemmi kif kienu ferħanin ħafna jilgħabu passju fit-triq u jimmarkaw l-art bil-ġibs. Tħeġġeġ lill-ġenituri u lin-nanniet biex jintroduċu dan il-logħob lit-tfal iż-żgħar biex ma jingħalqux ġewwa imma joħorġu u jiltaqgħu ma’ tfal oħra.