Nieħdu l-eżempju ta’ Kristu msallab u nfarrġu lil ta’ madwarna – L-Isqof Grech

Betty Bugeja

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku t’Għawdex Mario Grech qal li f’dawn iż-żminijiet ta’ konfużjoni u solitudni, għandna nieħdu l-eżempju ta’ Kristu msallab, li wkoll ħassu waħdu fuq is-salib, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, u nfarrġu lil ta’ madwarna, bħalma hu farraġ lill-ħalliel imsallab ħdejh u qallu li se jarah il-ġenna.

L-Isqof t’Għawdex qal dan waqt l-omelija li għamel illum fil-Liturġija tal-Passjoni tal-Mulej u l-Adorazzjoni tas-Salib fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat.

Il-ħarsa waħdiena tal-Insara llum għandha tkun fuq il-Kurċifiss, qal l-Isqof Grech. F’dik id-dehra, Ġesù huwa abbandunat minn kulħadd, saħansitra jidher abbandunat minn Alla. “Is-solitudni ta’ Ġesù fuq is-salib tkessaħna! Id-daqqa tal-lanza, il-kuruna tax-xewk, it-tismir tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh ikkawżawlu wġigħ qawwi; imma dan l-uġigħ ma kien xejn ħdejn il-weġgħa profonda li ġarrab xħin għamel sforz u pprova jerfa’ ftit il-kappell ta’ għajnejh u ntebaħ li kulħadd bewweġ.”

L-Isqof spjega li l-ġrajja tal-Kalvarju mhix unika minn dan il-lat, peress li jekk inħarsu madwarna naraw diversi nies li qegħdin ibatu, li wkoll donnhom imsallbin waħedhom għax minsijin jew imwarrbin. Fost dawn semma lil dawk b’mard mentali, bi problemi ta’ droga, b’esperjenzi ta’ ħabs u prostituzzjoni. Semma l-anzjani li jħossuhom abbandunati fi xjuħithom, jew il-morda li rari jkollhom xi żjara.

Huwa ma naqasx milli jirreferi għal dawk li qegħdin ibatu minħabba l-imxija tal-coronavirus, u semma lil dawk li laqqtu l-virus u b’hekk qed ikollhom jibqgħu iżolati, kemm minn familthom, u anke minn min jista’ jwasslilhom is-sagramenti ta’ qabel it-tluq. Irrifletta illi, “Smajna li ħafna, bħal Kristu msallab, mietu waħidhom!”

L-Isqof stqarr li hemm bosta li jippruvaw jgħattu jew jaħbu dawn il-vulnerabbli fis-soċjetà, partikolarment għax ikunu mogħmijin bl-egoiżmu li jaħkimhom, iżda huwa stieden lill-Insara jerġgħu jitfgħu ħarsthom fuq il-kurċifiss peress li “taħt dan il-monument tas-solitudni Ġesù huwa dak li jġib ruħu ta’ proxxmu magħna li waqajna f’idejn il-ħallelin; dak li ma sab lil ħadd li jkun proxxmu għalih, sar proxxmu għalina. Fuq is-salib Ġesù jħares f’wiċċna.”

Temm jgħid li s-salib huwa l-konferma li l-ikbar imħabba hija dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Għalhekk appella lil min iħoss il-kurċifiss jiġbdu lejh biex ma jirreżistix. Min iħossu waħdu jew abbandunat għandu jiftakar li anke Ġesù għadda minn dawn il-mumenti, iżda din it-tbatija bidilha “bħala l-prezz biex ikun proxxmu għalina, ħa nagħmlu l-kuraġġ u nieħdu l-eżempju tiegħu u nippruvaw inkunu proxxmu għal dawk ta’ madwarna.”