Niddakkru mill-ferħ ta’ Ġesù Bambin

Impjegati tal-Vatikan u familji tagħhom jifirħu bil-Papa

Il-Papa Franġisku kellem lill-impjegati tal-Vatikan u lill-familji tagħhom f’laqgħa tradizzjonali li fiha jagħtu l-awguri tal-Milied lil xulxin u ħeġġeġ lill-familji biex iħallu lilhom infushom ikunu mdakkra mill-ferħ ta’ Ġesù Bambin għax din hi t-triq tal-qdusija.

“Ix-xewqa tiegħi hi li tkunu qaddisin biex tkunu ferħana. Qaddisin fil-ġisem u d-demm, bil-karattru tagħna, anke bid-dnubiet tagħna, bid-difetti tagħna imma lesti li nħallu lilna nfusna nkunu “infettati” mill-preżenza ta’ Ġesù fostna, lesti li niġru Lejh kif għamlu r-ragħajja, biex naraw dan is-sinjal kbir li Alla tagħna”, qal il-papa.

Huwa tkellem dwar ix-xena tan-Natività u qal li l-Madonna u San Ġużepp jidhru ferħana għax wara ħafna nkwiet irċivew dan ir-rigal minn Alla, b’tant fidi u mħabba. Jidhru qed ifuru bil-qdusija u għalhekk huma ferħana. “Iżda ma kienx faċli għalihom”, qal il-Papa għax “il-qaddisin ma jitwieldux, imma jsiru hekk u dan applika wkoll għal Ġużeppi u Marija”.

Il-Papa spjega li r-ragħajja  kienu mimlija ferħ u allura huma qaddisin ukoll għax wieġbu għas-sejħa tal-Anġli u tat-tarbija fil-maxtura. L-istagħġib f’għajnejn l-għaġeb tal-presepju, jesprimi l-ferħ ta’ dawk li jilqgħu l-misteru tal-inkarnazzjoni bl-ispirtu ta’ tfal. “Hu sinjal ta’ qdusija: li nkunu kapaċi nistagħġbu bir-rigali ta’ Alla, bis-sorpriżi tiegħu imma l-akbar sorpriża u l-akbar rigal hu Ġesù Bambin”.

Fi presepji akbar ikun hemm ħafna karattri jirrappreżentaw diversi snajja bħalma hu l-iskarpan, il-ħaddied, il-ħabbież, min iġorr l-ilma u diversi oħrajn, li kollha huma ferħana. Dan għax biex ngħidu hekk huma mdakkra bil-ferħ tal-ġrajja li qed jipparteċipaw fiha, jiġigieri t-twelid ta’ Ġesù Bambin. “Allura anke x-xogħol tagħhom hu mqaddes bil-preżenza ta’ Ġesù u l-miġja tiegħu fostna”. Spjega Papa Franġisku.

Il-Papa tkellem ukoll dwar il-qdusija fil-familja. Hemm bżonn ftit sforz fil-post tax-xogħol biex nirriflettu ftit mill-qduisja ta’ Ġesù, raġġ żgħir, bi tbissima, b’attenzjoni, b’kortesija jew b’apoloġija; u l-ambjent kollu tax-xogħol jitjieb aktar.  Dan jgħin biex ikeċċi l-arja tqila li kultant noħolqu bl-arroganza tagħna, bil-preġudizzji, l-egoiżmu. B’hekk naħdmu aħjar u nagħtu aktar frott.

Hu  ħeġġeġ lil dawk li keinu qed jisimugħ biex jieqfu jinġurjaw lill-oħrajn għax dan iġib dwejjaq fil-post tax-xogħol u jkisser il-ħbiberiji.  Jekk xi ħadd irid jikkritika dan għandu jagħmlu mal-persuna konċernata umhux minn wara dahru.  Meta tiġi t-tentazzjoni li ngħidu fuq l-oħrajn aħjar jigdem ilsienu u jieqaf jitkellem fuq l-oħrajn.

Dan hu l-ħames Milied tal-Papa fil-Vatikan. Qal li jista’ jixhed  li fil-Vatikan hemm “ħafna qaddisin” li ma jurux ruħhom għax huma nies sempliċi u modesti imma qed jagħmlu ħafna ġid bil-ħidma tagħhom u bir-relazzjonijiet tagħhom mal-oħrajn. Huma nies ferrieħa mhux għax jidħku imma għax għandhom serenità kbira li tiġi minn Ġesù, l-Em-Manuela, Alla magħna u jafu kif din is-serenità jgħadduha lill-oħrajn.