Nicolette Aquilina ppremjata bħala ż-Żagħżugħa tas-Sena

Il-Premju Żagħżugħ tas-Sena 2019 intrebaħ minn Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa u ġie mħabbar mid-Direttur Ġenerali tal-Moviment Kerŷgma, Fr. Ivan Attard OP. Ir-rebbieħ tal-premju organizzat mill-Moviment Kerŷgma huwa sponsorjat minn APS Bank.

Il-premju ngħata mill-President George Vella. Huwa feraħ lill-Moviment Kerygma għall-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment annwali fejn jesponu il-ħidma volontarja ta’ tant żgħażagħ. Huwa qal li minn mindu laħaq President baqa impressjonat jara tant żgħażagħ kommessi jagħmlu xogħol volontarju. Huwa qal ukoll li aspett importanti tal-organizzazzjonijiet voluntarji kienet li liż-żgħażagħ irawmulhom valuri kbar u b’hekk isiru ċittadini rispettabbli għal benefiċċju finali tal-pajjiż.

Dr Vella feraħ lill-ħames nominati u nkoraġġihom biex ikomplu bix-xogħol voluntarju tagħhom mhux biss biex jgħinu lil ħaddieħor fil-bżonn imma wkoll biex jibqgħu miġburin u ma jintilfux f’distrazzjonijiet negattivi. Iż-żgħażagħ nominati għall-Premju Żagħżugħ 2019 kienu: Nicolette Aquilina minn Ħal Luqa, Jean-Claude Borg mill-Imsida, Nathan Borg mis-Siġġiewi, Amy Chetcuti minn Senglea u Martina Livori minn Bormla.

Nicolette Aquilina hija żagħżuha ta’ 23 sena minn Ħal Luqa u hija studenta gradwata mill-Universita’ ta’ Malta.  Tul l-aħħar 9 snin li daħlet membru taċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa hija kienet ta’ ispirazzjoni u għajnuna kbira għaż-żgħażagħ l-oħra.  Il-ħeġġa u l-ħidma tagħha għenet biex il-grupp li kien niżel għal 4 membri biss sal-2016 issa reġa’ żdied għal 40 membru reġistrat.

Sentejn ilu Nicolette ġiet eletta unanimament biex timla l-post ta’ Chairperson u ċ-Ċentru kompla jikber kemm spiritwalment u soċjalment taħt il-gwida tagħha. 

Fil-bijografija tagħha jingħat li hija tieħu ħsieb torganizza u tikkoordina għadd ta’ attivitajiet u laqgħat kemm edukazzjonali, soċjali u spiritwali tul is-sena kollha. F’uħud minn dawn l-attivitajiet hija tinkludi wkoll il-ġenituri tal-membri kif ukoll għadd ta’ voluntiera oħra, inklużi anżjani Luqin.

Diversi persuni fil-paroċċa ta’ Ħal Luqa u anke l-kumitat fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Luqa jqisu lil Nicolette bħala mudell eżemplari u kif ukoll pilastru għall-komunità lokali. Hija tagħti attenzjoni individwali lil kull membru u ħafna drabi tmur barra minn triqitha sabiex tgħin uħud mill-membri li jkunu għaddejjin minn varji problemi personali.

Nicolette hija wkoll membru tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali kif ukoll membru attiv fil-Każin tal-Banda tal-Unjoni. 

F’dawn l-aħħar xhur Nicolette flimkien mal-membri l-oħra tal-kumitat iddeċċedew li japplikaw għal fondi mill-Unjoni Ewropeja biex il-binja kollha taċ-Ċentru tiġi rinnovata biex b’hekk issir binja moderna, aċċessibbli għas-siġġijiet tar-roti, vivaċi u bi spazju sigur biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jħossuhom siguri u komdi biex jesprimu ruħhom u s-sentimenti tagħhom. Intqal li dan se jkun pass kbir għaċ-Ċentru taż-Żgħażagħ peress li se jingħata dehra ferm isbaħ b’teknoloġija moderna u b’hekk wieħed jittama li jattira aktar żgħażagħ ġodda minn kull sfera tas-soċjetà lejh.”

Preżenti kien ukoll Tania Borg, Viċi-President tal-Moviment Kerŷgma, Jeremy Vassallo jirrapreżenta lil-APS Bank u mistednin oħra. Dan it-trofew jingħata kull sena f’ġieħ il-mejjet Dr Rudolph Saliba li kien l-ewwel president tal-Moviment Kerŷgma.