Nicky Gauci fit-tieni post fil-Karting fi Sqallija

Il-Ħadd li għadda Nicky Gauci kiseb it-tieni post fil-Pista del Sole f’Melilli, fi Sqallija waqt il-kompetizjoni tal-Italian Karting Regional Championship.

Huwa beda l-ġurnata bit-tajjeb hekk kif minn 7 sewwieqa, irnexxielu jikseb it-tielet l-aħjar ħin fis-sessjoni ta’ kwalifika.

Is-sewwieqa, Neville Zammit u Jake Agius li ħadu sehem fl-istess tellieqa kisbu s-6 u s-7 post rispettivament.

Fit-tellieqa ta’ qabel il-finali, Gauci irnexxielu jitla’ fit-tieni post u jżomm postu tul it-tellieqa kollha.

Fit-tellieqa finali, Gauci kiseb it-tieni post f’ħin pjuttost kmieni u baqa’ hemm sal-aħħar b’Davide Vincenzo Scuto eżatti warajh.

Ir-rawnd li jmiss mill-kampjonat se jsir f’Lulju ġewwa iċ-Ċirkwit Internazzjonali ta’ Triscina fi Sqallija.