Niċħdu l-ispirtu tad-dinja li jwassal għall-korruzzjoni

Pope Francis at Santa Marta chapel in the Vatican

Il-Papa Franġisku reġa’ beda jqaddes fil-kappella ta’ Santa Marta wara l-festi tal-Milied u fl-omelija ta’ l-ewwel quddiesa fil-kappella din is-sena fakkar li “l-ispirtu s-Santu hu garanzija biex Alla jibqa’ magħna u li ma għandniex nemmnu fl-ispirtu ta’ din id-dinja li jitlifna minn sensina tant li ma nibqgħux niddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Il-ħajja nisranija titlob li nkunu ma’ Alla, u nsegwu l-Ispirtu s-Santu u mhux l-ispirtu tad-dinja li jwassal għall-korruzzjoni u ma jiddistingwix bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-Papa rrifera għall-passaġġ mill-ewwel Ittra ta’ San Ġwann, Appostlu fejn l-Evanġelista jieħu l-parir li Kristu kien ta lill-Appostli “Ibqgħu fil-Mulej”.

Wieħed jista’ jkun “fl-aktar blet midinba, fl-aktar soċjetà atea, imma jekk qalbu tibqa’ f’Alla, dan il-bniedem għandu s-salvazzjoni”, insista l-Papa.  Irrefera għall-Atti tal-Appostli meta dawn waslu fil-belt u ltaqgħu ma’ xi nsara li kienu mgħammda minn Ġwanni u staqsewhom jekk irċivewx l-Ispirtu s-Santu, iżda dawn anqas biss kienu jafu li kien magħhom.

Il-Papa staqsa kemm insara, anke llum jidentifikaw lill-Ispirtu s-Santu biss bħala ħamiema u ma jafux li “Dak hu li jgħinek tibqa’ f’Alla u hu garanzija li ttik is-saħħa biex tibqa’ fil-Mulej”.

L-Ispirtu s-Santu

Il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar “l-ispirtu tad-dinja” li hu kontra l-ispirtu s-Santu. Hu fakkar li “Ġesù, fl-aħħar ċena ma talabx lill-Missier biex iwarrab lid-dixxipli mid-dinja”, għax il-ħajja nisranija hi fid-dinja, iżda talbu “biex iħarishom mill-ispirtu tad-dinja”, li hu l-kuntrarju. L-ispirtu tad-dinja hu “agħar mid-dnub, hu atmosfera li titlfek minn sensik u twasslek sal-punt li ma tibqax tagħraf it-tajjeb mill-ħażin”.

Biex nibqgħu ma’ Alla rridu nitolbu għal dan ir-rigal tal-Ispirtu s-Santu li hu garanzija għalina. Minn dan nagħrfu li aħna fil-Mulej.  Imma kif se nkunu nafu, staqsa l-Papa jekk għandniex magħna l-Ispirtu s-Santu jew l-ispirtu tad-dinja? San Pawl jagħtina parir: “Iddejqux l-Ispirtu s-Santu. Meta nagħżlu l-ispirtu tad-dinja inkunu qed ninjoraw l-Ispirtu s-Santu, inwarrbuh u ħajjitna tmur in-naħa l-oħra”.

Ħela ta’ flus

Il-Papa Franġisku żied jgħid li l-ispirtu tad-dinja inessina għax “id-dnub ma jbegħdekx minn Alla jekk tinduna li int fid-dnub u titlob maħfra, imma l-ispirtu tad-dinja inessik x’inhu dnub” u kollox isir permissibbli.

Qal li f’dawn il-jiem kien hemm qassis li urih video ta’ nsara jiċċelebraw l-Ewwel tas-Sena f’post turistiku f’pajjiż nisrani. Iċċelebraw is-sena l-ġdida jaħlu l-flus f’ħafna affarijiet tad-dinja. Dan hu l-ispirtu tad-dinja. “Dan dnub?” – “Le ħabib, din korruzzjoni li hi agħar minn dnub”.

Jekk tidneb, l-Ispirtu s-Santu jwasslek lejn Alla, jipproteġik u jgħinek tqum, imma l-ispirtu tad-dinja iwasslek għall-korruzzjoni sal-punt li ma tagħrafx bejn il-ħażin u t-tajjeb: kollox isir l-istess.

Il-Papa żied jgħid li l-ispirtu tad-dinja jitilfek minn sensik u “ma tibqax tagħraf id-dnub”.  U kif inkun naf li qiegħed insegwi l-ispirtu tad-dinja jew l-Ispirtu t’Alla?

Il-parir tal-Papa hu li wieħed jistaqsi lilu nnifsu, darba jew darbtejn kuljum, jew meta’ jiġik xi ħsieb f’moħħok: “Dan li qed inħoss, li rrid nagħmel, mnejn hu ġej? Mill-ispirtu tad-dinja jew mill-Ispirtu t’Alla? Dan se jagħmilli tajjeb jew se jitfagħni fit-triq tad-dinja li titlifni minn sensija?”

Ħafna nsara, ilmenta l-Papa “jgħixu bla ma jafu x’inhu għaddej f’qalbhom”. Għalhekk San Pawl u San Ġwann jgħidu: “Temmnux kull spirtu jew dak li tħossu, imma eżaminaw kollox biex tkunu tafu x’qed jiġri f’qalbkom”. “Għaliex”, temm jgħid il-Papa “Għal ħafna nsara qalbhom hi bħal triq li ma jafux minn  jgħaddi minnha għax ma jafux jeżaminaw dak li għaddej f’qalbhom”.

Il-Papa Franġisku għalhekk irrakkomanda, fi tmiem l-Omelija tiegħu,  li wieħed isib ftit ħin kuljum, qabel imur jorqgħod jew f’nofsinhar u jistaqsi lilu nnifsu: x’ġara f’qalbi llum? X’ridt nagħmel? X’ridt naħseb? Xi spirtu daħal f’qalbi? L-Ispirtu t’Alla, ir-rigal t’Alla, l-Ispirtu s-Santu li dejjem iressaqni lejn il-laqgħa ma’ Alla jew l-ispirtu tad-dinja, li bil-mod il-mod ibiegħdni minn Alla?.

L-aħħar parir tal-Papa kien biex “nitolbu għall-grazzja li nibqgħu fil-Mulej u nitolbu lill-Ispirtu s-Santu li jgħinna nibqgħu fil-Mulej u jagħti grazzja li niddistingwu dawn l-ispirti u nagħrfu x’inhu għaddej fina. Jalla qalbna ma tibqax tirq imma ssir il-post tal-laqgħa bejnna u Alla.”