“Niċċelebraw dak li jidher ordinarju – il-ħajja li skartajna”

Id-Direttur ta' Caritas Malta, Leonid McKay qal li t-tema tal-gradwazzjoni ta' din is-sena tar-residenti ta' San Blas titratta "ċ-ċelebrazzjoni ta' ħajja li ġiet skartata" u "ċelebrazzjoni ta' persuni li ħadu ħajjithom mill-ġdid".
Il-palk fejn saret il-gradwazzjoni ukoll kien magħmul minn injam użat, li flok intrema ġie preservat u użat mill-ġdid biex serva għal xi ħaġa importanti.
Id-Direttur ta' Caritas Malta qal li quddiem realtà fejn il-progress soċjali u ekonomiku qiegħed dejjem jikber, fejn hawn iżjed opportunitajiet u mobilità soċjali, hemm ukoll naħa oħra tal-istess munita.
Semma kif qed ngħixu fi żmien ta' ekonomija maħkuma minn ideoloġija fejn kollox idur ma' x’jaqbillu l-individwu – “qabbel fejn jaqbillek” u "ostor kull valur ieħor".
Spjega kif fid-dinja ta' llum, żdiedet id-distanza bejn min hu b’saħħtu u min le, fejn xi bwiet tal-ftit qed jeħxienu bi prezz għal min mhux b’saħħtu.
McKay qal li matul l-2015, 671 persuna għamlu użu mis-servizzi ta' Caritas Malta b'madwar kwart minnhom għall-ewwel darba.
Fakkar ukoll f'realtà iebsa, dik li f'Malta, ir-rata ta' persuni dipendenti fuq l-eroina huwa fost l-għola fl-Ewropa u wissa li l-problema ta' dipendenza fuq din it-tip ta' droga reġgħet qed tgħolli rasha.
Id-direttur ta' Caritas fakkar li fl-iċken affarijiet li saru tul is-sena, Caritas u l-istaff tagħha ħadmu biex wasslu l-imħabba mal-oħrajn waqt li elenka numru ta' attivitajiet u programmi li saru tul is-sena li swew ta' ġid ma' min verament għandu bżonn.
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja